Rekord nazzjonali ġdid ġie mwaqqaf fil-gżejjer Maltin wara li Luke Micallef irnexxielu jaħsad 11-il rummiena minn siġra waħda, b’piż totali ta’ 9.900 kilogrammi.
It-tim ta’ The Malta Records ilbieraħ kien mistieden f’għalqa privata f’Ħal Far sabiex jippreżenta u jirrikonoxxi dan ir-rekord nazzjonali ġdid, li juri kemm il-ħidma u d-dedikazzjoni jistgħu jwasslu għal riżultati impressjonanti fil-qasam tal-agrikoltura.

Ir-rekord jikkonsisti fl-akbar ammont ta’ rummien bl-akbar piż maħsud minn siġra waħda, b’total ta’ 11-il frotta li flimkien jiżnu 9.900 kilogrammi.
Luke Micallef, li huwa dilettant kbir tal-agrikoltura, spjega li mhux faċli li siġra tar-rummien tipproduċi frott daqshekk kbir u f’dan l-ammont. Dan ir-riżultat inkiseb grazzi għal ħafna dedikazzjoni, paċenzja u passjoni lejn il-biedja.
Dan ir-rekord huwa wkoll xhieda tal-potenzjal li għandha l-art Maltija u tal-ħidma li jagħmlu dawk li b’imħabba u impenn ikomplu jikkultivaw il-prodotti agrikoli lokali.
L-inizjattiva tfakkarna fl-importanza li napprezzaw il-frott ta’ artna u lil dawk li jaħdmu biex iżommu ħajja t-tradizzjoni agrikola f’pajjiżna.
Kisba oħra li turi kemm għandna għalfejn inkunu kburin bil-prodotti li kapaċi tagħtina l-art Maltija.
