Raġel u tifel ta’ ħames snin jitilfu ħajjithom f’inċident fuq il-baħar il-Ġnejna

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena u ibnu ta’ 5 snin minn San Pawl il-Baħar, matul il-lejl illi għadda tilfu ħajjithom wara li ntlaqtu minn dgħajsa waqt li kienu fuq dinghy żgħir, fil-bajja tal-Ġnejna. 

L-inċident seħħ ftit wara s-1.00am, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza wara li dgħajsa, misjuqa minn raġel ta’ 43 sena residenti r-Rabat, aktarx laqat dinghy f’nofs ta’ baħar. 

Minnufih ġew infurmati l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew tfittxija fil-baħar fiż-żona indikata għall-persuni li kienu fuq id-dinghy. 

Wara ftit ħin l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili sabu bla ħajja l-missier u t-tifel, bil-kadavri jittellgħu fuq il-moll u wara ttieħdu lejn il-kamra mortwarja. Sadanittant, id-dinghy, li sofra ħsarat konsiderevoli, kif ukoll id-dgħajsa involuta ttellgħu l-art. 

Minn aktar stħarriġ li sar irriżulta li ftit ħin biss qabel l-inċident, il-missier u t-tifel niżlu minn fuq dgħajsa oħra li kienet ankrata ‘l barra mill-bajja tal-Ġnejna u marru dawra fuq dinghy żgħir. Madankollu kien f’dan il-mumenti li seħħet il-ħabta bejn id-dagħjsa u d-dinghy. 

Il-Maġistrat Dr Joe Mifsud LL.D qed imexxi inkjesta, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport