John Agius ta’ 74 sena residenti San Ġiljan magħruf bħala “Johnny tal-għalqa” minn taħt l-ilsien wieġeb mhux ħati hekk kif quddiem il-Qorti hekk kif ġie mixli bi 12-il kap ta’ akkuża fosthom li pprova joqtol żewġ uffiċjali tal-Pulizija. Hu ġie mixli wkoll li rreżista l-arrest, li ta n-nar apposta, li spara arma tan-nar fl-abbitat kif ukoll li għamel ħsara ta’ aktar minn €2,500.
L-Ispettur Stephen Gulia spjega quddiem il-Qorti li nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Lulju għall-ħabta tal-10.00am il-Pulizija kienu ġew informati li f’residenza f’Telgħet Birkirkara f’San Ġiljan kien hemm ħruq ta’ nar u kien hemm bżonn l-assistena tal-Pulizija u anke tal-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.
Ġie spjeat li mill-Għassa ta’ San Ġiljan marru xi uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll Pulizija tal-RIU u minn l-ewwel stħarriġ irriżulta li l-imputat kien qabbad in-nar waqt li xi ħaddiema tal-kostruzzjoni kienu qegħdin jiksu ħajt li kien jiġi eżatt fuq il-bitħa tar-residenza ta’ John Agius. Il-Prosekuzzjoni qalet li waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jitkellmu mal-ħaddiema li kienu qegħdin jiksu l-ħaja, allegaw li huma ġew mhedda u anke li raw lil Agius ifreex likwidu fil-bitħa tiegħu stess.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-ħaddiema kienu madwar żewġ sulari ‘l fuq mir-residenza tal-imputat. Allegaw ukoll li kienu lemħu lil George Agius li jiġi ħu l-imputat fejn dan mar iġib xi fuel mill-pompa tal-petrol li tinsab fil-viċin. Dak il-ħin il-Pulizija kienu konvinti li Agius kien għadu fir-residenza tiegħu.
L-Ispettur kompla jispjega li għal diversi drabi l-uffiċjali tal-Pulizija pprovaw iħabbtu l-bieb tar-residenza biex il-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jkunu jistgħu jikkontrollaw in-nirien. Anke qarib tal-imputat ipprova jħabbatlu, iżda John baqa’ ma fetaħ lil ħadd. Il-Prosekuzzjoni qalet li mill-ewwel informazzjoni li kellhom kien jidher li hemm periklu minħabba li kienu konxji li l-imputat kellu 4 shotguns u 2 revolvers fir-residenza tiegħu.
Ingħad li għall-ħabta tal-11.00am, ħuħ George mar bil-mutur fejn hemm ġie arrestat fuq suspett li kien kompliċi f’dan il-ħruq. Hu ġie arrestat mill-Uffiċjal tal-Pulizija Omar Sharif fejn filwaqt li ġie informat li qiegħed taħt arrest, inqraw id-drittijiet kollha tiegħu. George ittieħed fl-qereb għassa dik ta’ San Ġiljan. L-Ispettur jgħid li saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ ħuh iżda ma nstab xejn irregolati.
Intant, l-Ispettur Gulia kompla jispjega lil qorti li l-pulizija komplew iħabbtulu diversi drabi u anke jitolbuh biex jikkopera magħhom, iżda l-imputat baqa’ ma kellimhomx lura. Jgħid li l-uffiċjali raw lill-imputat fuq ġewwa, iżda xorta waħda baqa’ jinjora l-ordinijiet tal-pulizija biex joħroġ ‘il barra biex jiġi arrestat.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-bieb kien infurzat b’stanga u allura kien diffiċli għall-uffiċjali tal-pulizija biex jiftħu l-bieb. Iżda kien hemm entratura oħra li kien aktar faċli biex taċċess u xi uffiċjali tal-Pulizija daħlu armati. L-Ispettur jispjega li hekk kif rifsu l-għadba, Agius allegatament beda jispara fuqhom minn fuq il-bejt – sular għoli – u kien hawn li l-Uffiċjal tal-Pulizija Omar Sharif intlaqat mit-tir ta’ senter. Hu ntlaqat f’għonqu u kuxtejh, iżda wara li ttieħed l-isptar u ngħata l-kura ġie ċertifikat li ma weġġax serjament.
Ħie spjeat li hekk kif Agius beda jispara, żewġ uffiċjali tal-pulizija oħra nqabdu ġewwa fil-bitħa u ma setgħux joħorġu minn hemm.
Ikompli jispjega li fl-istess ħin wasal tim ta’ negozjaturi li marru fuq il-post biex jassitu fejn dawn baqgħu jinsistu biex l-imputat iċedi u joħroġ mir-residenza. Fil-bitħa kien għad hemm l-uffiċjal tal-Pulizija Sharif ferut. L-Ispettur qal li n-negozjaturi pprovaw iċemplulu fuq il-mobile, iżda dan kien mitfi. Kien hawn li l-uffiċjali fuq il-post bdew juża il-megaphone biex jagħtu struzzjonijiet.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li fuq il-post waslu wkoll il-Pulizija tas-SIU fejn dawn ipprvoaw jidħlu fl-istess entratura bit-traka, iżda allegatament dak il-ħin John Agius reġa’ spara tir ieħor fid-direzzjoni tagħhom. B’dan it-tir, intlaqtet it-traka u bl-istess tir ukoll intlaqat l-uffiċjal tal-Pulizija Johann Vella.
Vella ntlaqat f’wiċċu u anke f’għonqu. Hu beda jingħata l-għajnuna medika mill-ewwel fuq il-post fejn ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie operat. Hu ġie ċċertifikata fil-periklu tal-mewt. Il-Prosekuzzjoni qalet li wara t-tieni tir (l-ewwel wieħed li laqat lil Omar Sharif u t-tieni wieħed li laqat lil Johann Vella) l-imputat xegħel il-mobile… Kien hawn li n-negozjaturi bdew jinnegozjaw miegħu.
L-Ispettur Gulia qal li f’dan il-każ kien hemm żewġ fażijiet li damu għaddejjin madwar siegħa u nofs. L-ewwel fażi kien biex jinħarġu l-pulizija li kien hemm maqbudin fil-bitħa tal-imputat u t-tieni fażi biex jinħareġ Agius.
Wara xi ħin jitkellem man-negozjaturi, Agius ħareġ b’idejh ‘l fuq fejn ġie arrestata. Spjega li fuq il-post sarlu eżami mediku u wara ttieħed l-għassa. Saret tfittxija wkoll fir-residenza tiegħu fejn anke ġie assigurat li ma kienx hemm aktar persuni fuq ġewwa.
Intant, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur Johann Vella, Omar Sharid u l-ħaddiema tal-kostruzzjoni.
F’dan l-istadju d-difiża ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-Qorti ordna li l-imputat jibqa’ jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-imputat kien rapreżentat mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Thomas Sant. Il-Prosekuzzjoni tmexxi minn Dr Kayleighh Bonnet u Dr Joseph Camilleri Aziroff f’isem l-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Joseph Mercieca, Stehpan Gulia u L-ispettur Chrstian Xuereb.
Bħala Police Officers Union offrew is-servizzi legali tagħhom lil parte civile – il-kuntistabbli tal-SIU Johann Vella – permezz tal-avukati Dr. Herman Mula u Dr. Franco Debono
