Il-baħħara Katrina Micallef u l-atleta Jeremy Zammit ġew nominati bħala l-atleti li ser jġorru l-bandiera ta’ Malta għaċ-Ċerimonja tal-Għeluq tal-XX Logħob tal-Mediterran, li se ssir illum fl-Istadium Erasmo Iacovone, f’Taranto.
Katrina Micallef temmet fit-12-il post fi flotta kompetittiva ħafna, li enfasizzat il-livell għoli ta’ dawn il-Logħob. Il-flotta, kemm fl-avvenimenti tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, kienet fil-biċċa l-kbira magħmula minn atleti li għandhom titli mondjali jew Ewropej, b’diversi baħħara senior għandhom ukoll esperjenza Olimpika.

Fil-Long Jump, Zammit irreġistra waħda mill-aqwa prestazzjonijiet tiegħu fil-Logħob, b’aħjar prestazzjoni staġjonali ta’ 7.61m, ftit inqas mill-marka meħtieġa biex jikkwalifika mal-aqwa tmienja.
Ir-riżultat jindika ritorn kunfidenti fil-forma tiegħu wara diversi snin immarkati minn intoppi, u jressqu aktar qrib il-personal best tiegħu u r-Rekord Nazzjonali Malti ta’ 7.84m.
It-tnejn se jġorru l-bandiera Maltija hekk kif Team Malta jtemm il-parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-Logħob, li fetaħ fil-21 ta’ Awwissu.




