Wednesday, July 24, 2024

Kelb jiġri erba’ mili biex ifittex għajnuna għal sidu li ħabat bil-karozza u spiċċa f’wied f’Oregon

Aqra wkoll

Kelb ġera erba’ mili biex ifittex għajnuna għal sidu li ħabat bil-karozza f’wied f’Oregon – u eventwalment ġie salvat. Il-każ żvolġa hekk kif Brandon Garrett kien qed isuq bl-erba’ klieb tiegħu fit-Tramuntana f’US Forest Service Road 39 fil-kontea ta’ Baker, qrib fejn il-familja tiegħu kienet qed tikkampja.

Garrett irnexxielu jibqa’ ħaj wara l-ħabta, iżda kienet diffiċli ħafna għalih biex jiċċaqlaq minn fejn kien u jmur ifittex għall-għajnuna. B’xorti tajba għalih, wieħed mill-klieb tiegħu ġera lejn il-post fejn kien hemm il-kampeġġ u l-familjari ta’ Garrett indunaw li xi ħaġa setgħet marret ħażin. B’kollox il-kelb ġera kważi erba’ mili sakemm wasal ħdejhom.

Minnufih il-familjari tiegħu bdew bit-tfittxija għalih u eventwalment lemħu l-karozza tiegħu. Huma iżda ma setgħux jinżlu fejn kien jinsab minħabba t-terren diffiċli u sussegwentement talbu għall-assistenza tal-ħaddiema tal-emerġenza u tas-salvataġġ.

Garrett instab madwar 100 metru bogħod minn fejn seħħ l-inċident flimken mat-tlitt iklieb l-oħra tiegħu, li kienu wkoll ħajjin.

L-awtoritajiet taw l-ewwel għajnuna lil Garrett fuq il-post u aktar tard ittieħed b’ħelikopter fi sptar fl-inħawi.

Ekonomija

Sport