Wednesday, July 24, 2024

Erba’ ostaġġi salvati minn Gaża

Aqra wkoll

Erba’ ostaġġi maħtufa mill-Ħamas waqt il-festival mużikali “Nova” fis-7 ta’ Ottubru li għadda ġew salvati f’rejd li sar fiċ-ċentru ta’ Gaża, filwaqt li għexieren ta’ Palestinjani nqatlu minn attakki Iżraeljani f’din l-istess żona.

Noa Argamani ta’ 26 sena, Almog Meir Jan ta’ 22 sena, Andrei Kozlov ta’ 27 sena u Shlomi Ziv ta’ 41 sena ġew meħlusa waqt “operazzjoni” deskritta bħala waħda kumplessa u ta’ riskju għoli f’żewġ binjiet separati fiż-żona ta’ Nuseirat.

Fi stqarrija maħruġa mill-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael (IDF) intqal li l-ostaġġi meħlusa kienu jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa u aktar tard ġew iċċirkolati ritratti tagħhom jgħannqu lil qrabathom f’ċentru tas-saħħa qrib Tel Aviv.

Sadanittant, dan l-iżvilupp seħħ ukoll waqt li għexieren ta’ Palestinjani, fosthom tfal, inqatlu matul il-jum tas-Sibt fl-istess żona minn fejn ġew salvati l-ostaġġi. F’żewġ sptarijiet f’Gaża – al Aqsa u al-Awda – intqal li kien hemm mas-70 katavru filwaqt li l-uffiċċju tal-midja tal-Gvern tal-Ħamas qal li nqatlu minn tal-inqas 210 persuna f’dawn l-attakki.

Dan is-salvataġġ ta’ ostaġġi meqjus bħala wieħed “rari” – f’operazzjoni konġunta mmexxija mill-IDF, l-Aġenzija tas-Sigurtà Iżraeljana u l-Pulizija Iżraeljana – seħħet tmien xhur wara l-bidu tal-gwerra f’Gaża. 

Il-kelliem tal-IDF Daniel Hagari qal li l-operazzjoni kienet ibbażata fuq intelliġenza “preċiża” u li l-qawwiet Iżraeljani affaċċjaw ritaljazzjoni wara li kien hemm min fetaħ in-nar għalihom. Uffiċjal tal-forzi speċjali safa ferut f’din l-operazzjoni u aktar tard tilef ħajtu fl-isptar.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu faħħar lill-forzi Iżraeljani għall-mod kif wettqu din l-operazzjoni b’mod kuraġġuż. “Mhux se nieqfu sakemm inlestu din il-missjoni u nġibu lura l-ostaġġi kollha, kemm dawk ħajjiin u anke dawk li jkunu mietu,” huwa żied jgħid.

Ekonomija

Sport