Sunday, April 6, 2025

“Kelli x-xewqa li xi darba nissallab ta’ veru”

L-attur u direttur artisitku Għawdxi Jamie Camilleri jgħid li mhux faċli li taħdem il-parti ta’ Kristu

Aqra wkoll

“Meta kont bdejt nagħmel il-parti ta’ Kristu kelli x-xewqa li nissallab ta’ veru… li kienu sibt tabib li kapaċi jsallabni u jagħtini garanzija li l-ferita tfieq kont nissallab.” Hekk sostna magħna Jamie Camilleri, attur, direttur artistiku u anke għalliem tad-drama.

Camilleri bi tbissima fuq wiċċu jgħidilna li “llum din ix-xewqa mhux se nwettaqa, minħabba li għandi familji u t-tfal.”

Jamie għal dawn l-aħħar 13-il sena kien jaħdem il-parti ta’ Kristu fil-Passjoni magħrufa aħjar bħala “L-Imsallab fi Triqatna” li din is-sena jaħbat il-25 sena minn meta saret l-ewwel darba.

Il-passjoni ddur mat-toroq tal-Belt Victoria u n-nies tista’ tgħid li jkunu parti mix-xeni.

“Meta qiegħed taħdem fit-triq ma tistax ma tkunx reali. Il-parti ta’ Kristu hija parti li diffiċli li taħdimha minħabba li l-emozzjonijiet jinbidlu ħafna. Eżempju għandek lil Kristu dieħel fit-tempju kalm, imbgħad f’daqqa waħda jibda jirrabja… għandek lil Kristu fil-Ġnien tal-Ġessamini fejn hemm jien bilfors irrid nibki,” ikompli jgħidilna Camilleri li llum hu wieħed mill-aqwa diretturi artistiċi li hawn f’pajjiżna.
Il-mistoqsija ovja hija kif jirnexxilek tibki? “Niftakar fil-mewt ta’ missier… Iva niftakar fil-mewt ta’ missieri u nibda nibki ta’ veru,” filwaqt li sostna li din hija teknika li tgħallimha mingħand wieħed mill-aqwa għalliema tiegħu.Din il-parti ta’ Kristu tagħti esperjenza kbira, għax tagħti sfidi kbar.

“In-nies ikunu miegħek u ma tista’ taħbi xejn. Nispiċċa mejjet bl-għatx u ma nistax nieħu ftit ilma. Hija sfida kbira għall-attur… fuq kollox nerġa’ ngħid li tgħallimt nuża ħafna emozzjonijiet meta qiegħed ninterpreta l-istess karattur,” ikompli Camilleri.

In-nies jidħlu fix-xeni

In-nies waqt l-Imsallab fi Triqatna jidħlu ħafna fix-xeni. “Eżempju darba waħda kienu qegħdin iwaħluli l-kuruna tax-xewk, u kien hemm persuna li bdiet tgħajat ‘iva trossux ħafna fuq rasu għax se jweġġa’.”

Kompla jgħidilna li anke waqt is-swat, jibda jisma’ lin-nies jgħajtu biex ma jsawtuħx ħafna.

Nistaqsu dwar is-swat minħabba li Jamie hu magħruf li jgħid lill-atturi f’din ix-xena biex ma jibżgħux mis-swat.
“Kif għetlek qabel, trid tkun reali… is-swat ikun reali. Naf li l-ġilda li biha jsawtuni tkun ġdida, iżda wara ndum ħafna bil-marki fuq dari,” filwaqt li jistqarr li l-unika attur li jafda f’din ix-xena hu ħuħ.

“Ikun hemm ħija kemm għas-swat, kemm biex idaħħali l-kurna tax-xewk u anke biex nisallab… Irrid lilu bilfors jimxi miegħi. Nafdah u jaf eżatt sa fejn għandu jasal,” jistqarr l-attur li din is-sena mhux se jkun qiegħed jaħdem il-parti ta’ Kristu.

Kif bdiet l-Imsaħħab fi Triqatna?

Din 25 sena ilu saret bħala esperiment u Camilleri ma kienx imdaħħal f’kumitati, iżda kien wieħed mill-atturi. Jgħid li kien hemm nies oħrajn bħal George Cassar, Frank Cassar u Dun Louis Bezzina fost oħrajn. “Riedu jagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu. Fl-1999 konna għamilna l-passjoni, iżda fuq il-palk. Fl-2000 riedu jagħmlu xi ħaġa iżda differenti. Trid tiftakar li street theater dak iż-żmien ma kien xejn popolari f’Għawdex…” jirrakkonta Camilleri hekk kif imur lura fiż-żmien.
Jgħid li l-organizzaturi kienu mbeżża’ li ma kien se jmur ħadd għal din il-wirja, iżda kien bil-maqlub hekk kif kien hemm udjenza tajba ħafna.

“Konna narmaw kollox aħna. Dawl nixtru aħna u nitolbu lin-nies biex inwaħħlu mal-galleriji, sound konna narmaw kollox fuq trakk…” jgħid b’nostaġija filwaqt li qal li sena wara oħra din id-drama baqgħet dejjem tikber.

Tagħti esperjenza kbira l-parti ta’ Kristu

L-attur jgħid li jaħdem fil-parti ta’ Kristu tagħtu esperjenzi kbar. “L-ewwel esperjenza hija dik reliġjuża… kemm ilni nagħmilha ta’ Kristu bdejt nistudja dwar dak iż-żmien u nagħmel ir-riċerka… studjat dak li seħħ dak iż-żmien biex inkun l-aktar qrib tal-istorja.”

Permezz tal-Imsallab fi Triqatna ndunajna li kien hemm xi żbalji min kif konna nafu l-istorja minn meta konna tfal…

“Affarijiet żgħar li n-nies ma jagħtux kashom… Tgħallimt eżempju Ġuda waqt l-aħħar ċena kien joħroġ ’il wara l-ħasil tas-saqajn… dak hu żball. Niftakar wara li spiċċajna kien ġie wieħed qassis u qalli li kien hemm żball żgħir. Fil-fatt Ġuda joħroġ ’il barra qabel ma tibda l-aħħar ikla… u mis-sena ta’ wara dak l-iżball tranġa biex kemm jista’ jkun inkunu leali lejn l-iskrittura,” kompla jistqarr Jamie Camilleri.

Magħna l-attur semma eżempju ieħor ta’ żball li ħafna nies jaħsbu li dik il-verità. “Is-swat… naħseb kulħadd jafha li Kristu laqqat 39 daqqa… iżda dik mhux il-verità. Ir-Rumani kienu jibqgħu jagħtuk sakemm taqa’ u ma terġax tqum. Għamilt riċerka kif kienu jagħtu s-swat ir-Rumani meta nafu li Kristu laqqat is-swat mingħad ir-Rumani u mhux mingħand il-Lhud li kienu jagħtu 39 daqqa… Allura aħna nagħtu 41 daqqa jew 43 daqqa.”

It-tislib… hemm riskju

Camilleri jgħid li waqt it-tislib dejjem ikun irid l-istess persuna tinterpreta l-parti tal-Madonna, li hija Lara Xerri Mompalao.

“Lara għandha ċeru ‘body language’ meta tkun qiegħda tħadem il-parti tal-Madonna tħossha minkejja li ma nkunx nista’ nħares lejjha u lili ddaħalni aktar f’dik l-emozzjoni ta’ bniedem mejjet,” filwaqt li jgħid ukoll li biex iħossu sigur waqt it-tislib dejjem irid ikun hemm ħuħ miegħu l-ħin kollu.

“Jien waqt it-tislib nidendel biex il-parti tkun reali, ma nkunx marbut minn imkiem. Inżommu l-ħin kemm indum imdendel mas-Salib. Fil-fatt il-ħin hu ta’ 3 minuti… Jekk indum aktar nista’ nintlef minn sensija,” jgħid l-attur.

Jgħid li l-aktar parti li jweġġa’ huma l-waqgħat. “Għax dan tipprova taqa’ b’mod li ma tweġġax, imma peress li qiegħed fin-nies nerġa’ ngħid trid tkun reali,” isostni Jamie filwaqt li jirrakkonta magħna kif weġġa’ kemm-il darba waqt l-Imsallab fi Triqatna.

Is-sena l-oħra kienet tal-aħħar għal Jamie

Jamie jgħid li din is-sena mhux se jkun hu li jaħdem il-parti tal-Kristu għax kif jistqarr hu stess “tasal f’ċertu punt bħala attur li trid tiddeċiedi li l-parti ma tkunx għadha tiegħek. Ilni 3 snin ngħid li se nieqaf… Għażilna wieħed – Matthias Mercieca – li se jagħmilha ta’ Kristu li ilu magħna ħafna snin, student tiegħi u se jagħmel il-parti b’mod professjonali ħafna.”

12 ta’ April, 2025

Din is-sena, l-Imsallab fi Triqatna se ssir fil-12 ta’ April, fis-7.30pm. Tibda mill-Oratorju u tispiċċa fit-tela’ taċ-Ċitadella.

B’kollox jieħdu sehem qrib 80 attur fosthom nies tekniċi. Camilleri jgħid li ħafna atturi jżommu l-istess karattur minn sena għal oħra.

“Ikun hemm nies li jgħidlek minn sena qabel li jridu jerġgħu jagħmlu l-istess parti… iżda kien hemm oħrajn jiddeċiedu li jieqfu, iżda din dejjem tkun fuq għażla tagħhom. Nista’ ngħid li kull min ma baqax jieħu sehem dejjem narah hemm jara l-Imsallab fi Triqatna.”

Mistoqsi liema parti se tibqa’ f’qalbu fil-parti ta’ Kristu jgħid li hi meta jgħid “Kollox Mitmum”.

L-attur jemmen bis-sħiħ li din id-drama “L-Imsallab fi Triqatna” għandha potenzjal li tibqa’ ssir għal 25 sena oħra…

“Hemm interess kbir fost il-ġenerazzjoni żgħir u din tagħmel kuraġġ lili u lill-ogrnaizzaturi kollha,” itemm jgħidilna Jamie Camilleri waqt l-intervista.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport