L-Arċisqof Charles Scicluna ta kliem ta’ kuraġġ u wens lill-pazjenti Maltin li bħalissa qed jirċievu kura medika fir-Renju Unit, kif ukoll lill-qraba tagħhom li qed jakkumpanjawhom.
Waqt iż-żjara pastorali annwali lill-pazjenti Maltin f’Londra, l-Arċisqof ċċelebra quddiesa mal-Maltin li qed jgħixu fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton.
L-Arċisqof qasam magħhom l-esperjenza personali li għadda minnha ftit xhur ilu, meta weġġa’ saqajh u kellu jagħmel operazzjoni. Qal li tgħallem “li l-ħajja teħodha kif tiġi, u taċċetta l-mument tal-mard, tal-isptar, il-mument li qed tiddependi fuq ħaddieħor. Fl-istess ħin tirrealizza l-imħabba u l-kura tan-nies ta’ madwarek, u x’differenza kbira tagħmel.”
Huwa saħaq li l-mumenti tal-mard “jiftħulek għajnejk u qalbek biex tara r-realtà kif inhi”, għax meta tkun f’saħħtek kulħadd ħabib miegħek, imma meta tkun fil-bżonn tara min hu ħabib tassew. Żied li dawn l-esperjenzi jfakkruna kemm il-ħajja hija prezzjuża, u għalhekk ħeġġeġ lill-pazjenti japprezzaw kull ġurnata, kull tgħanniqa, kull telefonata u kull messaġġ li jirċievu.
L-Arċisqof irringrazzja lill-Patrijiet Franġiskani Konventwali, Patri Mario Sant u Patri Joseph Formosa, tas-servizz li jagħtu lill-Maltin fir-Renju Unit u talli jagħtu togħma tar-Ragħaj it-Tajjeb lil kull min imur għandhom.
Sellem ukoll lis-sorijiet Agostinjani u dawk Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u ħeġġiġhom ikomplu jgħożżu l-maternità spiritwali tagħhom u jitolbu għaliha, bħalma jitolbu għall-pazjenti morda.
L-Arċisqof irringrazzja lid-diversi NGOs u benefatturi talli b’ħidmiethom jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex itaffu l-mumenti ta’ tbatija tal-pazjenti u l-familji tagħhom. Waqt din iż-żjara ta’ ftit jiem, l-Arċisqof Scicluna kien akkumpanjat mill-Kummissarju Għoli Malti fir-Renju Unit, il-Prof. Stephen Montefort, u rringrazzjah tal-għajnuna li jagħti lill-Maltin.
