Newcastle United ma jafux jekk Milan kinux konxji mill-akkużi tal-imħatri li qed jiffaċċja Sandro Tonali meta nbiegħ lill-Magpies fis-sajf li għadda, skond id-direttur sportiv, Dan Ashworth.
Il-midfielder ta’ 23 sena ingħaqad ma’ Newcastle United għal £55 miljun … u inqas minn erba’ xhur wara ngħata sospensjoni ta’ 10 xhur mill-Federazzjoni Taljana tal-Football minħabba mħatri llegali fuq logħbiet li kienu jinvolvu ż-żewġ clubs preċedenti tiegħu, Milan u Brescia.
“Huwa tassew diffiċli li nkunu nafu jekk il-clubs imsemmija kienu jafu b’dak li kien qed iseħħ,” qal Ashworth.
“Kulma nistgħu nagħmlu hu li nħarsu lejn l-investigazzjoni interna u l-proċess intern tagħna stess. Hija mistoqsija verament diffiċli għalija li nwieġeb – sempliċement ma nafx.
“Kien xokk kbir, sorpriża enormi. Dan huwa każ ġdid għalina li ġie minn imkien … bħal sajjetta.”
Diversi drabi, il-club ta’ Milan ġie mistoqsi jekk kienx jaf bl-akkużi li kien qed jiffaċċja Tonali, f’Lulju li għadda.
Tonali għamel biss 12-il dehra għat-team immexxi mill-manager, Eddie Howe, qabel l-implimentazzjoni tas-sospensjoni, li se żżomm lill-internazzjonali Taljan barra mill-azzjoni sal-bidu tal-istaġun li ġej.
Il-prosekutur federali u Tonali qablu dwar “ftehim tat-tort”, li jfisser li tmien xhur tas-sospensjoni tiegħu se jiġu mibdula għal “pjan terapewtiku” biex jgħinu “jirkupra mill-vizzju tal-logħob”.
Dan se jinkludi li Tonali jagħmel mill-inqas 16-il dehra pubblika fl-Italja, fejn se jkun mistenni jitkellem ma’ players żgħażagħ dwar il-perikli tal-logħob tal-azzard.
Għalkemm ma jista’ jilgħab fl-ebda partita, Tonali jista’ jitħarreġ flimkien ma’ sħabu ta’ Newcastle waqt is-sospensjoni tiegħu.
Min-naħa tiegħu, Ashworth qal: “Sandro se jitħarreġ mat-team u se jibqa’ konness miegħu, forsi jiġi biex jara l-logħob.
“Huwa importanti li jħossu parti mill-club u huwa importanti għas-saħħa mentali tiegħu stess. Tonali mhux se jqatta’ ammont kbir tal-ħin ‘il bogħod mill-club meta jkun fl-Italja.
“Hemm programm regolari b’xi żjarat fl-Italja bħala parti mill-proċess. Se jkun qed imur lura għal ġurnata jew tnejn kull darba, iżda mhux għal xahar.
“Huwa jitħarreġ mat-team meta jiħi lura. L-ewwel u qabel kollox, Sandro huwa uman. Kulħadd xi darba jew oħra għamel affarijiet li ma kellniex nagħmlu jew affarijiet li jiddispjaċina li għamilnihom. Huwa d-dmir tagħna li nħarsuh, nipproteġuh u nappoġġjawh.
Madankollu, Ashworth ma qalx jekk il-pagi ta’ Tonali humiex qed jitnaqqsu għal kemm idum iservi s-sopensjoni tiegħu.