Minn Cristian Muscat
Fil-jiem li għaddew, it-tim nazzjonali Malti tal-basketball tan-nisa taħt it-tmexxija tal-kowċ, Charles Bonnici, mgħejjun mill-assistant coach, Maria Agius, fil-finali għeleb lill-Albanija bl-iskor ta’ 72-55, fil-Palestra Sportive ‘Karagac’ f’Peja, Kosovo.
Din kienet finali mill-isbaħ u Malta għelbet lir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni u għat-tieni darba fil-kompetizzjoni wara li fil-partita tal-ftuħ fi Grupp A, Malta kienet rebħet bl-iskor ta’ 67–59 kontra dawn l-istess avversarji.
Intant, dan is-sit tkelem mal-captain, Josephine Diaby, li tatna iktar dettalji.
Fi kliemha: “Kien tournament mill-aqwa. It-tim kien żagħżugħ ħafna iżda ngħaqadna lkoll tajjeb ħafna u naħseb li dan deher fil-grawnd. Ninsab kuntenta ħafna li ġejt lura d-dar b’midalja tad-deheb u temmejt il-karriera tiegħi b’esperjenza daqshekk sabiħa. Mort għal dan it-tournament mingħajr aspettattivi għax ma ridtx inpoġġi pressjoni fuqi nnifsi. Għedt lili nnifsi nagħmel l-almu tiegħi fil-grawnd u ikun xi jkun ir-riżultat, ma kienx se jbiddel dak kollu li ksibt.”
“Bdejt mat-tim Nazzjonali tan-nisa tal-kbar fl-età ta’ 18-il sena billi rbaħt l-ewwel midalja tad-deheb li Malta qatt rebħet fil-Basketball tan-Nisa u temmejtha fl-età ta’ 41 sena, dalwaqt 42, b’Midalja tad-Deheb ukoll.”
“Ninsab grata ħafna għall-Kowċis … Chalie kien wieħed mill-ewwel kowċis tiegħi meta bdejt il-basketball u fil-fatt ma nistax nemmen li qed intemm il-karriera tiegħi miegħu bħala l-aħħar kowċ li mexxa lili. Żgur li Alla għandu t-triq u l-pjanijiet tiegħu għal kulħadd u ma jimpurtax x’ngħidu li se nagħmlu jew kif irridu nispiċċaw u meta rridu nispiċċaw fl-aħħar tal-ġurnata qatt mhija tagħna l-aħħar kelma.”
“Ninsab grata wkoll għal Maria u Adrian għax żgur li jagħmlu x-xogħol moħbi li forsi n-nies ma jarawx imma żgur li dan is-suċċess huwa riżultat tal-isforzi ta’ kulħadd.”
“Kelli l-privileġġ li nilgħab mat-tfal ta’ x sħabi tat-tim, u dan iġiegħalni nirrealizza kemm għandi nkun grata għall-karriera twila li kelli.”
“Issa wasal iż-żmien li nieqfu, nieħu pawża u niffokaw fuq affarijiet differenti. Nixtieq nirringrazzja lil MBA għax-xogħol tagħhom, lill-kollegi tiegħi għall-appoġġ ta’ kuljum tagħhom matul dan it-turnew, lil ibni għall-paċenzja tiegħu matul dawn is-sitt snin ta’ ħajtu u lill-familja tiegħi talli dejjem appoġġjawni u għamlu l-ġimgħa li għaddiet possibbli għalija. Jiena grata ħafna lejhom.”


