Minn Cristian Muscat
Kif bdiet il-passjoni tiegħek għall-futsal?
Il-passjoni tiegħi għall-futsal bdiet fi żmien l-iskola fis-Serbja.
Konna nilagħbu ħafna tournaments ġewwa (‘indoor pitch’) li kienu parti importanti ħafna fl-iżvilupp tal-futbol aktar tard. Imma fis-Serbja kellna nagħżlu futsal jew football għax ma stajniex nirreġistraw għat-tnejn li huma. Bqajt fil-futbol imma l-futsal dejjem kien f’moħħi. Segwejt kampjonati tal-futsal madwar l-Ewropa biex nipprova nikseb kemm jista’ jkun informazzjoni dwar it-taħriġ u dejjem kien parti minni. Naturalment il-futbol bqajt nilgħabu fil-Kampjonat fis-Serbja.
U meta kelli 21 sena, ġejt ngħix Malta fl-2010. Minn dakinhar sal-lum ili involut fil-futbol u l-futsal f’Malta.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikummenta fuq l-esperjenza ta’ sentejn li kellek fit-tmun ta’ University of Malta (UoM) Futsal bħala kowċ, hekk kif issa ħabbart li se tkun qed tħalli l-klabb? U kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futsal?
Kienet opportunità sabiħa u sfida tajba li se nibqa’ napprezza mingħand l-UoM Futsal. Issa se nara x’se nagħmel għall-futur. Jiddependi minn ħafna raġunijiet. Nispera biss li l-futsal Malti jimxi ‘l quddiem. Żgur li hemm bżonn ta’ aktar timijiet, aktar players, u aktar enerġija biex dan l-isport jitla’ fil-livell.
Kif tqis il-livell tal-futsal Malti fil-preżent?
Il-futsal Malti mill-2010 ‘l hawn żviluppa ħafna iżda fl-opinjoni tiegħi hemm ħafna lok għal titjib.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
L-akbar problema hija n-nuqqas ta’ faċilitajiet indoor għat-taħriġ. Dan huwa ‘indoor sport’ li rridu nipprattikaw ġewwa. Sfortunatament, m’hemmx biżżejjed grawnds biex jonoraw il-bżonnijiet tal-klabbs kollha. L-uniku mod kif intejbu u niżviluppaw huwa taħriġ ta’ kwalità. Li l-klabbs kollha jkollhom kundizzjonijiet simili u li fil-kampjonat ikollna sfida b’saħħitha u ġusta. Naturalment, il-baġit finanzjarju huwa parti importanti fl-isport modern.
Il-futsal mhuwiex daqshekk popolari bħall-futbol u m’għandniex biżżejjed sponsors. Għadna biss nies li jħobbu din il-logħba u għandhom passjoni jinvestu fil-futsal u dan mhux biżżejjed biex ikollna erba’ u ħames timijiet b’baġit simili.
Il-logħob kollu tal-kampjonat jintlagħab fl-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS).
It-tim tiegħi għandu żewġ sessjonijiet fl-NSS iżda ħafna timijiet oħra m’għandhomx l-opportunità li jitħarrġu hemm.
X’taħseb dwar il-mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Jien involut fil-futbol u l-futsal bħala plejer u bħala kowċ fin-nursery. Hemm ħafna subien u bniet b’talent f’Malta u mort barra minn Malta magħhom u ksibna xi riżultati tajbin fl-età meta kienu żgħar Il-problema tibda meta jagħlqu l-14-il sena. Għalhekk, huwa meħtieġ programm ta’ kwalità ta’ taħriġ u stil ta’ ħajja ta’ kwalità
Faċilitajiet ta’ kowċing ta’ kwalità tajba, żgur jistgħu jkunu t-triq ‘il quddiem u t-titjib fl-isport u wara fil-ħajja għax dawn huma konnessi.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futsal.
Dejjem nipprova nimmotiva lit-tfal kollha biex jilagħbu din il-logħba sabiħa. Ipprova ibda u żgur li se tieħu gost fil-logħba. Dan l-isport jista’ jikber ħafna aktar f’Malta sempliċement irridu naħdmu lkoll flimkien fl-iżvilupp u kompetizzjoni tajba u b’saħħitha
Irid ikollok dixxiplina, taħdem qatigħ u tkun iffukat fuq il-passjoni għall-isport b’nies ta’ kwalità madwarek. Dan jgħinek issir plejer tajjeb u persuna tajba.



