Saturday, December 28, 2024

Kittieb Awstraljan jingħata sentenza ta’ mewt sospiża fiċ-Ċina

Aqra wkoll

Il-kittieb Awstraljan Yang Hengjun ingħata sentenza ta’ mewt sospiża minn Qorti Ċiniża, ħames snin wara li kien arrestat u akkużat bi spjunaġġ. Skont uffiċjali Awstraljani, din is-sentenza tista’ tiġi mibdula għal waħda ta’ għomor ħabs wara sentejn.

Dr Yang – studjuż u rumanzier li kiteb dwar l-affarijiet tal-istat Ċiniż – kien ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, liema akkużi ma sarux pubbliċi. 

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Penny Wong sejħet lill-Ambaxxatur taċ-Ċina għall-Awstralja għal spjegazzjoni, u nhar it-Tnejn qalet li l-gvern se jkun qed “jikkomunika” ir-rispons tiegħu lil Beijing “f’termini l-aktar b’saħħithom”.

“Kontinwament sejjaħna għal standards bażiċi ta’ ġustizzja, ġustizzja proċedurali u trattament uman għal Dr Yang, skont in-normi internazzjonali u l-obbligi legali taċ-Ċina,” qalet il-Ministru Wong fi stqarrija. “L-Awstraljani kollha jridu jaraw lil Dr Yang jingħaqad mal-familja tiegħu.”

Aktar qabel, uffiċjali Awstraljani esprimew it-tħassib tagħhom għall-mod kif ġie tratta, iżda l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina wissiehom biex ma jindaħlux fil-każ, u biex jirrispettaw is-“sovranità ġudizzjarja” tan-nazzjon.

Is-segwaċi ta’ Dr Yang ddeskrivew l-arrest tiegħu bħala “persekuzzjoni politika”.“Huwa kkastigat mill-gvern Ċiniż għall-kritika tiegħu dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u l-appoġġ tiegħu għal valuri universali bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,” qal il-ħabib tiegħu, l-akkademiku ta’ Sydney Feng Chongyi.

Ekonomija

Sport