Wednesday, December 25, 2024

KLIEM TA’ MIBEGĦDA M’HEMMX POSTU FIL-POLITIKA

Aqra wkoll

Il-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar jiem fi ħdan il-Partit Nazzjonalista komplew juru kemm dan huwa partit mifxul u kif m’għandu ebda ħjiel ta’ kif jiffaċċja d-diżgwid li jsib ruħu fih. Kienu ġrajjiet li wrew ukoll il-ħakma li għandhom fuqu ċertu għaqdiet li jippretenduha ta’ NGOs apolitiċi fl-istess waqt li huma sfaċċatament biċċa waħda mal-PN.

L-eks deputat nazzjonalista Franco Debono reġa’ fetaħ beraħ dan l-inkwiet fil-PN. Hekk kif dan l-avukat ħabrieki ta ħjiel tal-interess qawwi minn partitarji nazzjonalisti biex hu jerġa’ lura fil-partit, sparaw il-kanuni kollha kontrih. Mhux biss imma kien hemm min saħansitra ikkumpara lil Franco Debono ma’ tumur.

Hawnhekk, wieħed kien jistenna li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li ftit ilu qal li Franco Debono huwa persuna validissima u miegħu jitkellem b’mod regolari, kien almenu joħroġ jikkundanna bla ekwivoku d-diskors dispreġjattiv fil-konfront ta’ Franco Debono. Dan m’għamlux, u għalfejn? Forsi għaliex idejh huma marbutin wara dahru u ma jistax jiċċaqlaq? Forsi wkoll għax tal-establishment tal-partit huma ogħla minnu?

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela ma sab ebda diffikultà mhux biss li jikkundanna bl-iktar mod qawwi dak li ntqal dwar Franco Debono imma qies l-istess kliem bħala ta’ mibegħda u tal-mistħija.

Il PN ikun iktar għaqli jekk jieħu l-parir tal-Prim Ministru u minflok kliem ta’ mibegħda, il-PN imissu lin-nies validi li hemm fi ħdanu flok jgħidilhom li huma irrilevanti ikun tajjeb li jieħu ftit ideat mingħandhom.

U hawn toħroġ ukoll id-differenza netta li hemm bejn il-mexxej Laburista u l-Kap tal-PN meta fuq naħa hemm prim ministru li jikkundanna b’kull mod diskorsi ta’ mibegħda u fuq in-naħa l-oħra hemm kap ta’ partit li jibqa’ mutu quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn.

Ngħidu dan ukoll fil-kuntest li deputat prominenti tal-PN bħalissa qed jistinka u jitħabat kemm jiflaħ biex iressaq lura lejn il-PN lil dawk li telquh. L-istess deputat mhux biss iltaqa’ ma Franco Debono imma wkoll ħeġġeġ lilu u lil nies ta’ rieda tajba biex ikunu aktar attivi fi ħdan il-PN.

Quddiem dan kollu ngħidu li l-pajjiż tagħna jixraqlu oppożizzjoni politika serja, nieqsa mill-kontradizzjonijiet, mill-piki u l-ġlied intern jekk verament id-demokrazija li nħaddmu trid tibqa tqis lill-oppożizzjoni bħala gvern alternattiv. 

Imma l-ġrajjiet u d-diverġenzi li jeżisti fi ħdan il-PN jidhru ċar li ma jawgurawx tajjeb għal dan il-proċess demokratiku f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport