Saturday, December 21, 2024

KM MALTA AIRLINES … SISIEN SODI GĦAL FUTUR

Aqra wkoll

Fi ftit ġimgħat oħra il-linja tal-ajru nazzjonali tagħna, il-KM Malta Airlines, se tkun biegħet aktar minn miljun biljetti tal-ajru. Aħbar sabiħa li l-poplu Malti kollu għandu għalxiex ikun kburi biha. Iżda fuq kollox għandhom ikunu kuntenti dawk kollha li ħadmu biex il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida setgħet tikseb dan is-suċċess propju ftit ġimgħat biss mit-twelid tagħha. Fuq kollox għandu jkun ferħan u kuntent il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li kien il-moħħ wara t-twaqqif tal-kumpanija.

Fil-kuntest ta’ dan is-suċċess sinifikanti intwera l-għaqal li mexa bih Gvern Laburista fit-tranżizzjoni tal-Air Malta għall-KM Malta Airlines. Għalhekk huwa ironiku ferm li għad hawn min f’pajjiżna li, bl-aktar mod ardit, għadu jgħid li ‘Labour don’t work’, li l-Gvern Laburista m’għandux ideat u viżjoni ċari. Argumenti ta’ din ix-xorta iżda ma jiswew xejn għaliex il-poplu m’għadux jemminhom u ħadd aktar m’għadu jkun sorpriż bi frażijiet bla sens bħal dawn.

Il-poplu Malti kollu jaf li f’kull suċċess li kiseb il-Partit Laburista fit-tmexxija ta’ pajjiżna dejjem sab min, mhux jikkritikaħ biex l-affarijiet isiru aħjar, imma jattakkaħ bl-iktar mod viljakk biex jitkisser dak kollu li jkun inbena.

Għadna niftakru kemm fit-twelid tal-Air Malta fl-1974 kien hemm dawk li xtaqu d-deni lil pajjiżna u kienu bassru li l-ajruplani tal-Air Malta kienu għasafar taċ-ċomb li se jispiċċaw jaqgħu wieħed wieħed fuq Filfla. Għadna niftakru wkoll iż-żminijiet meta l-Maltin kienu jiġu mħeġġa sabiex ma jużawx l-Air Malta fl-ivvjaġġar tagħhom.

Imma apparti minn dawk il-profeziji foloz li kienu jingħadu fl-imgħoddi minn ċertu nħawi politiċi, is-suċċess li diġà kisbet il-KM  Malta Airlines huwa xhieda biżżejjed li l-kumpanija nazzjonali tal-ajru ġiet imwellda fuq sisien sodi li jawguraw tajjeb għall-ġejjieni mhux biss tagħha u tal-impjegati li tħaddem magħha imma wkoll għall-ekonomija nazzjonali ta’ pajjiżna.

Aħna nħossuna konvinti li din id-darba mhux se jiġu ripetuti l-iżbalji tal-imgħoddi li kienu niżżlu lill-Air Malta għarkupptejha, bħalma kien ġara meta nxtraw l-RJ Avroliners. Lanqas mhu se jerġa’ jiġri li tinħoloq xi kumpanija fantażma bħalma kienet l-Azzurra Air li minkejja li mietet qabel twieldet xorta waħda xorbot ir-riżorsi finanzjarji kollha li kellha l-Air Malta.

Konvinti fuq dan kollu kif aħna konvinti li l-poplu Malti se japprezza aktar is-servizzi tal-kumpanija l-ġdida u se jkompli jsostni lil KM bl-għażla tagħha fuq linji tal-ajru oħra, low cost u mhumiex. 

Għalhekk nemmnu li huwa essenzjali li l-KM Malta Airlines tibqa’ tkun kompetittiva u taġġorna s-servizzi tagħha skont ir-realtajiet taż-żminijiet. Aħna konvinti wkoll li mhux se tinsa r-rwol soċjali tagħha u se tkompli taqdi bi kburija r-rwol lejn il-poplu Malti u Għawdxi kif wara kollox kienet tagħmel l-Air Malta.

Ekonomija

Sport