Saturday, December 21, 2024

Koller u Schroll jispikkaw fil-Malta Junior Open tal-Golf

Aqra wkoll

L-Iżvizzeru Yves Koller u l-Awstrijaka Katharina Schroll rebħu s-sitt edizzjoni tal-Malta Junior Open organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Golf fir-Royal Malta Golf Club.

Koller u Schroll kienu l-iktar konsistenti tul it-tlett ijiem ta’ logħob li kienu kkaraterizzati minn kundizzjonijiet diffiċli ta’ temp b’xita u riħ qawwi.

Għal dan it-turnament ħadu sehem 99 plejers minn 22 pajjiż differenti b’sitta minnhom li kienu golfers Maltin. Din il-kompetizzjoni kien fiha tliet kategoriji dik ta’ taħt is-16-il sena, taħt it-18-il sena u taħt il-21 sena.

Fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena tal-irġiel, Noah Gratil wettaq rimonta kbira fejn fl-aħħar ġurnata ġab il-punti neċessarji biex jaqbeż fl-ewwel post segwit minn Constatin Bauer u Alexander Vagimov.

Sadanittant, Elena Duduleanu rebħet il-kategorija tan-nisa segwita minn Emma Viscovich u Alicja Herbik. Fl-istess waqt il-plejer b’dixxendenza Maltija Eliana Buhagiar temmet fir-raba’ post.

Fil-kompetizzjoni ta’ taħt it-18-il sena tal-irġiel, Yves Koller mill-Iżvizzera kien aħjar mid-Daniż Alexander Viscovich li spiċċa fit-tieni post b’Albertic Le Bos-Niclot li temm fit-tielet post.

Mill-istess kategorija ta’ eta’ iżda din id-darba tan-nisa, suċċess għal Katharina Schroll li baqgħet konsistenti tul it-tlett ijiem ta’ logħob u spiċċat qabel il-kompatrijotta Johanna Janisch u l-Ġermaniża Mila Tang.

Fil-kategorija ta’ taħt il-21 sena tal-irġiel kien Timotej Formanek li ġie l-ewwel quddiem Maxime Lam u Matyas Vysusil.

Fil-kompetizzjoni tan-nisa, Laura Mizlerova għaddiet lil Nela Travnickova li spiċċat fit-tieni post fiwlaqt li Zsofia Foldhazi Nagy li temmet fit-tielet post.

Unur intrebaħ minn golfer Malti hekk kif Mark Ganado kiseb l-aqwa skor nett tul it-tlett ijiem. Finalment fil-kompetizzjoni Stableford, Malti ieħor Alex Ganado ħareġ rebbieħ quddiem Alex Mece u Antonio Bianco.

Il-preżentazzjoni tat-trofej saru mill-president tal-Malta Golf Association WIlliam Beck, is-segretarja ġenerali Doreen Balzan u l-kaptan il-ġdid tar-Royal Malta Golf Club Jay Jay Micallef.

Ekonomija

Sport