Wednesday, October 9, 2024

Kolombjan akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Fil-Qorti, l-Ispettur Wayne Camilleri spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputat. Qal li fit-13 ta’ Jannar, għall-ħabta tas-6.15 a.m., l-imputat Fabian Eliuth Garcia Parada ta’ 43 sena mar minn jeddu l-Għassa ta’ Tas-Sliema, kellu l-mobile miftuħ b’application biex għamel translation minn Spanjol għall-Ingliż.

Lill-pulizija uriehom device tiegħu u fuq l-application kien hemm miktub il-kliem “I murdered my ex partner in an argument inside my home. i live at Triq Sir George Borg, Sliema.”

Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema immedjatament infurmawh li qiegħed taħt arrest u tawh id-drittijiet tiegħu. kien hemm problema minħabba l-lingwa.. pero dak il-ħin tawh kopja tad-drittijiet tal-arrest b’lingwa li jifhem hu, bl-Ispanjol.

Wara l-pulizija marru fuq il-post fl-indirizz li tahom hu, tahom iċ-ċavetta tar-residenza u sfortunatament sabu katavru ta’ mara fil-kamra tas-sodda b’diversi daqqiet b’arma li taqta’.

Ġie kkonfermat l-identità tal-katavru – Sandra Milena Ramirez – ta’ nazzjonalità Kolombjana u minn hemm inżamm arrestat.

Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża ma titlobx għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Michael Vella u Wayne Camilleri flimkien mal-Avukati Ramon Bonett Sladden u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Julia Micallef Stafrace dehret għall-imputat.

Sport