Dalgħodu, għall-ħabta tal-5.30am, intalbet l-assistenza tal-Pulizija fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan.
Mal-wasla immedjata tal-Pulizija, irriżulta li Kolumbjan ta’ 21 sena kien ferut, allegatament wara argument ma’ grupp ta’ persuni, li kien jinvolvi ħaddiema fi tmiem ħidmiethom, u oħrajn.
Jirriżulta wkoll li żewġt irġiel oħra aggrediti f’dan l-argument kienu żewġ Kolumbjani ta’ 23 sena u ta’ 36 sena rispettivament, filwaqt li l-allegat aggressuri qegħdin jiġu identifikati mill-Pulizija.
Huma ttieħdu l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għal aktar kura, fejn iż-żagħżugħ ta’ 21 sena ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji, filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħra ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha u dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Antoine Agius Bonnici LL.D.