Tuesday, May 14, 2024

“Kompetizzjonijiet bħal dawn jgħinu lin-nies joħorġu minn qoxorthom”

Clare Saliba, li riċentament ħadet sehem f’konkors tas-sbuħija

Aqra wkoll

Clare Saliba hi mudella li riċentement ħadet sehem f’konkors tas-sbuħija organizzat minn Gaffiero Productions. Hi kienet qed tirrappreżenta lil-lokalità ta’ Ħal Tarxien filwaqt li kellha ċ-ċans tilbes diversi kostumi tradizzjonali Maltin kif ukoll ilbies tal-okkażjoni. Hi ħadet sehem ukoll fil-kategorija ta’ Mrs Malta 2022 f’attività mtella’ matul ix-xahar li għadda fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt Valletta.

Għalkemm ma kisbitx il-punti li xtaqet sabiex tiġi fl-aqwa tliet postijiet, Clare Saliba tkellmet ma’ dan is-sit fejn stqarret li xorta waħda ratha opportunità sabiħa sabiex tkabbar l-għarfien tagħha fl-immudellar.

“Kienet esperjenza verament sabiħa. Serata li diffiċli ninsiha fejn għamilt ħafna ħbieb, kelli ċ-ċans nissoċjalizza ma’ diversi persuni u nieħu ħafna pjaċir. Għalkemm ma ħadt l-ebda unur, il-fatt li pparteċipajt u tlajt fuq dak il-palk tant sabiħ li kien hemm fi Pjazza Teatru Rjal diġa’ kien biżżejjed.

Saqsejna lil Clare kif bdiet l-imħabba tagħha lejn l-immudellar

“Kienet ilha minn meta kont żgħira, ix-xewqa tiegħi li nsir mudella. Kont insegwi ħafna festivals tal-moda u tas-sbuħija u ġieli attendejt jien stess dawn l-avveniment.”

“Illum il-ġurnata jien m’għadnix żgħir, għandi 48 sena u għandi tfal kbar u dawn saru indipendenti. Għedt bejni u bejn ruħi li issa kellu jkun iċ-ċans li nipprova din l-eseperjenza u rnexxieli.”

Hi ħadet l-immudellar bħala opportunità fejn kienet tattendi l-lezzjonijiet speċjalment għax meta t-tfal kibru, qabdu jaħdmu u bdew il-ħajja tagħhom, hi kien qed ikollha ħafna ħin liberu. Kien għalhekk li bdiet dan il-vjaġġ tant sabiħ u affaxxinanti. 

Clare ittenni li l-esperjenza li tipparteċipa ma’ Gaffiero Productions kienet waħda unika, sabiħa ħafna u li tiftaħlek ħafna bibien u opportunitajiet.

Hi tgħid li l-immudellar itik ħafna kunfidenza u jkollok stima aktar għolja tiegħek innifsek, xi ħaġa li kienet importanti għaliha.

“Ngħid għalija jien kunfidenza għandi iżda l-immudellar jagħtik aktar ċans tissoċjalizza, issir taf nies ġodda u titgħallem ħafna affarijiet ġodda.”

Clare Saliba tistqarr li minkejja li kif qalet għandha stima tajba tagħha nnifisha, xorta waħda jkollha l-famużi friefet fl-istonku apparti li xi ftit eċitament ikollha wkoll qabel xi kompetizzjoni importanti bħal din tal-isbuħija.

“Meta tara dawk in-nies kollha, bilfors tkun xi ftit eċitata speċjalment għax dawk is-sekondi li tkun fuq il-palk jew kif jgħidulu bl-Ingliż catwalk, int trid tagħti l-aqwa tiegħek.”

“Nemmen li hawn ħafna kompetizzjonijiet li jgħinu lin-nies joħorġu minn qoxorthom u jsibu l-kunfidenza magħhom infushom li huwa l-immudellar fosthom ħafna oħra bħalma huma d-drama, iż-żfin u l-kant.”

Hi tgħid li mudella trid tkun sabiħa mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa speċjalment fil-karattru tagħha. Prattikament kif tgħid hi stess, irid ikollok il-pakkett kollu.

Clare tgħidilna li għalkemm taħdem fuq bażi full-time, irnexxielha tlaħħaq sew mal-immudellar.

Saqsejna lil Clare dwar il-futur tagħha u fuq kollox dwar il-festival tas-sbuħija li jmiss

“Biex ngħidlek il-verità għalissa ma nixtieqx nipparteċipa f’dawn it-tip ta’ kompetizzjonijiet għax nistqarr miegħek li nfaqt ħafna flus fuq make-up, xagħar u affarijiet oħra. Prattikament ħriġt kollox minn buti iżda ma jiddispjaċinix minn dan kollu għax veru ħadt gost.”

Messaġġ lill-ommijiet li jixtiequ jieħdu sehem f’kompetizzjoni tal-immudellar. “Din hi esperjenza unika. Titilfuhiex!”

Sport