Wednesday, October 9, 2024

Konkluż b’mod definittiv ix-xiri tas-sede tal-Banda 12th May f’Ħaż Żebbuġ

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tal-Banda 12th May f’Ħaż Żebbuġ, b’investiment ta’ €745,000  u b’hekk telgħu għal tnax l-ammonti ta’ sede ta’ soċjetajiet mużikali li l-gvern ikkonkluda b’mod definittiv il-proċess ta’ xiri tagħhom.

Din il-proprjetà tingħaqad ma’ ħdax-il binja oħra okkupati minn soċjetajiet mużikali diversi, li huma l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906 , is-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, is-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, s-sede tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta’ Ħal Qormi, s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta u s-Soċjetà Sant`Andrija ta’ Ħal Lija, li issa l-Gvern hu s-sid tal-binja prinċipali li minnha jaħdmu dawn is-soċjetajiet.

Dawn it-tnax-il soċjetà kollha kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995. B’kollox il-gvern investa total ta’ €19-il miljun fix-xiri tal-proprjetajiet imsemmija.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li s-soċjetajiet mużikali fl-irħula u l-ibliet tagħna għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fost il-familji. Huwa qal li ħafna drabi l-persuni attivisti fi ħdan is-soċjetajiet mużikali jixprunaw l-inizjattivi li jippromwovu l-arti, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni ambjentali, u l-ġid soċjali fid-diversi komunitajiet.

“Dawn l-għaqdiet jiddependu ħafna fuq l-ispazji li jokkupaw biex iwettqu xogħolhom b’mod effettiv fil-qalba tal-komunitajiet u għalhekk żgumbrament kien mhux biss jipperikola serjament l-operat tagħhom iżda wkoll jhedded l-eżistenza tagħhom. Is-soċjetajiet mużikali huma element kruċjali fl-organizzazzjoni u l-ħidma ewlenija tal-festa rispettiva,” kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

“Għalhekk, kien essenzjali li nieħdu miżuri proattivi biex nipproteġu lill-każini bħas-sede ta’ dan li akkwistajna llum. Xogħolna mhuwiex biss li nissalvagwardjaw il-kapaċità u t-talent ta’ dawn in-nies, imma rridu nkomplu nsostnu l-valuri fundamentali tad-diversità u l-espressjoni kulturali għal futur b’iktar kultura fih,” temm jgħid il-Ministru.

Min-naħa tagħha, Mary Ann Cauchi, Direttur fil-Kunsill Malti għall-Arti,  qalet, “Il-Kunsill Malti għall-Arti qed jaħdem biex jissalvagwardja l-wirt kulturali u artistiku tal-gżejjer, b’mod partikolari permezz tal-akkwist ta’ propjetajiet tal-każini tal-baned li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament.

Apparti minn dan, permezz ta’ fondi maħruġa mill-Kunsill, qed jiġu offruti opportunitajiet ġodda lill-komunitajiet u lill-artisti li japprezzaw it-tradizzjonijiet Maltin, bħal festi. Dawn l-inizjattivi jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-karatteristiċi kulturali u folkloristiċi li jiddistingwu lill-Maltin u l-Għawdxin.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport