Thursday, December 26, 2024

Konsultazzjoni Preliminari: 13-il proposta sottomessi għal floating solar farms fl-ibħra Maltin

Aqra wkoll

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) irċieva 13-il proposta għall-iżvilupp potenzjali ta’ floating solar farms fl-ibħra territorjali Maltin. Is-sottomissjonijiet saru bħala parti mill-konsultazzjoni preliminari (Preliminary Market Consultation – PMC) biex jiġi evalwat is-suq għall-pannelli fotovoltajċi f’wiċċ il-baħar.

Il-PMC jidentifika żona ta’ erba’ mili nawtiċi ’l bogħod mill-kosta ta’ Delimara bħala l-ewwel post fejn possibbilment jista’ jkun hemm żvilupp ta’ proġetti ta’ teknoloġiji solari konnessi mal-grid b’kapaċità ta’ 50 megawatt t’enerġija rinnovabbli.

Ir-rispons mill-investituri potenzjali lokali kif ukoll internazzjonali kien wieħed sostanzjali. Dan jirrifletti wkoll il-potenzjal ta’ Malta fl-enerġija nadifa.

“L-interess qawwi mill-investituri jirrifletti l-kredibbiltà li Malta qed tibni fis-settur tal-enerġija, inkluża l-enerġija rinnovabbli. Il-Gvern diġà qed jinvesti ħafna biex jappoġġja djar u negozji li jixtiequ jinvestu f’enerġija aktar nadifa. Issa, qed nimbuttaw għal-livell li jmiss billi nevalwaw il-potenzjal li niżviluppaw pannelli fotovoltajċi f’wiċċ il-baħar,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, Ing. Marjohn Abela, spjega li r-Regolatur issa se jirrevedi s-sottomissjonijiet li waslu. Dan se jsir billi jitwaqqaf kumitat ta’ esperti tekniċi biex jevalwa l-proposti sottomessi u skont ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni, ir-Regolatur jista’ jitlob aktar kjarifiki mingħand il-proponenti.

“L-għan ta’ din il-konsultazzjoni preliminari huwa li jiġi evalwat l-interess tal-investituri u jivvaluta kemm is-suq huwa ppreparat għal proġetti bħal dawn. Dan imur id f’id mal-ħidma li għaddejja sabiex fil-futur toħroġ sejħa għall-offerti kompetittiva,” spjega l-Ing. Marjohn Abela.

Ekonomija

Sport