Friday, December 13, 2024

“Kont it-tarka tagħkom fil-pandemija, se nibqa’ nkun it-tarka tagħkom jekk tisilfuni il-fiduċja” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Pjan Nazzjonali għar-Riġenerazzjoni Soċjo-Ekonomika

Waqt attività politika fil-Ħamrun, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tkellem dwar il-pjan għal pajjiżna biex jinħoloq aktar ġid li jilħaq lil kulħadd.

“Irridu ntejbu l-ħajja ta’ kulħadd f’dan il-pajjiż,” qal Dr Abela filwaqt li elenka numru ta’ proposti li lkoll kemm huma maħsuba għal dan il-għan – it-titjib tal-ħajja tan-nies.

Qal iżda biex il-ħajja ta’ kulħadd titjieb, iridu jinvestu wkoll fil-komunitajiet li ngħixu fihom, fl-ibliet u l-irħula. Qal li huma bħala moviment jemmnu bi sħiħ li kull lokalità trid tgawdi mill-irkupru ekonomiku li ninsabu għaddejjin fih, ta’ wara l-pandemija. 

Innota kif wara l-2013 bħala Gvern ħolqu ekonomija li hija waħda vibranti, soda u b’saħħitha. Qal li riżultat t’hekk imbagħad l-investiment mis-settur privat infirex f’diversi bnadi ta’ pajjiżna. “Kelna żoni li għal diversi snin kienu mietu u reġgħu ingħataw il-ħajja. Anke jekk mill-2020 affaċċjajna pandemija, ir-rota ekonomika dejjem żammejniha ddur.  Sodisfatt imbagħad li r-riżultati wrew li issa reġgħet qed iddur bis-saħħa iktar milli kienet qed iddur fl-2019. Għaliex jieni tajt il-kelma li nibnu fuq it-tajjeb u hekk qed nagħmlu. L-istess kif kont tajt il-kelma li nsaħħu fejn meħtieġ u hekk se nibqgħu nagħmlu.”

“Jekk tagħtuna l-fiduċja tagħkom, se niedu pjan nazzjonali għar-riġenerazzjoni soċjo-ekonomika, pjan li se jkun qiegħed jistimula l-attività ekonomika u jtejjeb il-livell tal-għixien tan-nies. Qed nitkellmu dwar numru ta’ lokalitajiet madwar  Malta u Għawdex.  Qed nipproponu li bi studju nagħżlu dawk il-lokalitajiet li jkun meħtieġ dan l-intervent biex imbagħad  jingħataw imbuttatura. Għal dan il-għan ukoll se nkunu qed ngħinu lil dawn il-lokalitajiet b’għadd ta’ inċentivi. Għotja ta’ €15,000 lil start-ups li jiftħu f’dawn il-lokalitajiet u din l-għotja se nkun qed nagħtuha b’żieda mal-għajnuniet kollha li diġà se nkunu ħabbana għall-istart-ups,”

Spjega li se jgħinu wkoll lin-negozji eżistenti f’dawn il-lokalitajiet billi jiffinanzjaw 50% tal-ispejjeż biex itejbu l-post minn fejn jaħdmu. Hawnhekk qed nitkellmu fuq għajnuna sa massimu ta’ €15,000.  Miżura oħra li se jkunu qed jagħmlu hija dik ta’ għajnuna lill-first time buyers li jixtru propjetà vakanti f’żona UCA fejn din il-miżura se tiġi rdoppjata minn dik li hija llum meta r-residenza se tkun f’waħda minn dawn il-lokalitajiet li se jiġu identifikati fl-istudju.

Għan-negozji stabbiliti, u dawk ġodda, illi jimpjegaw ħaddiema f’dawn il-lokalitajiet li se jiġu identifikati, se jkunu qed jingħataw għajnuna f’forma ta’ ħlas li diġà qed jispjegaw dwarha b’mod dettaljat fil-manifest elettorali.

Qal li dwar dawn il-miżuri kolllha li tkellem dwarhom m’hemmx terms and conditions u li kif qegħdin fil-manifest se jsiru mingħajr ebda skużi u kundizzjonijiet. Dan għaliex, qal li dak li jipproponu jipproponuh bil-qalb, għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor.

Aċċenna għall-fatt li flimkien ma’ dawn il-miżuri għandhom proġetti partikolari u maħsuba wkoll. Hawnhekk semma’ l-Ħamrun fejn għandhom wieħed mill-aktar proġetti ambizzjużi li jinsab fil-proġett ta’ €700 miljun  fuq medda ta’ seba’ snin. “Il-fabbrika tal-ħalib li sejrin nirrilokawha biex minflokha nagħmlu ġnien u spazju miftuħ għall-komunità tagħkom. Se nagħtu l-Ħamrun pjazza ikbar u isbaħ. Minn tal-Pietà, sal-Belt… trasformazzjoni sħiħa.”

Fost l-oħrajn tkellem  dwar kif f’Albert Town iridu u se jkunu qed jagħmlu proġett ta’ riġenerazzjoni.

“Konna aħna li għalaqna l-powerstation tal-Marsa li kienet ġerħa kbira. Tafuh dan intom. Ħaddieħor kien ħalla lil dawn in-naħat jibilgħu d-duħħan tagħna. Ftakru li min nesikom meta kien fil-poter, jerġa’  jinsikom jekk ittuh iċ-ċans. Iżda daqskemm irridu lokalitajiet sbieħ, irridu lokalitajiet siguri,” qal Dr Abela fejn tkellem dwar il-pulizija tal-komunità.

Qal li l-membri tal-korpi dixxiplinati, magħhom jafu fejn qegħdin. Semma kif fl-aħħar sentejn taw ftehim kollettiv ġdid lis-suldati, ħaddiema tal-ħabs u dawk tal-protezzjoni ċivili. 

Il-Mexxej Laburista qal li lill-korpi dixxiplinati se jissaħħulhom il-kundizzjonijiet tagħhom, bi  ftehim kollettiv ieħor u aħjar fiż-żmien li ġej. Fost dawn, dawk li jibqgħu jaħdmu wara l-25 sena servizz se jkollhom iċ-ċans li jsaħħu l-pensjoni tagħhom – proposta li tingħaqad ma’ għadd ta’ miżuri oħra li hemm fil-manifest.

“Wegħdna żieda fil-pensjonijiet u tajniha. Issa se nagħtu oħra ikbar. Wegħdna li ngħinu lin-negozji u hekk għamilna fil-pandemija. Fi żmien li ġej hekk se nibqgħu nagħmlu bit-tnaqqis fit-taxxa. Wegħdna li ngħinu lill-first time buyers u hekk għamilna u se nagħmlu. Biex dan kollu nagħmluh realtà, jeħtieġ li mmorru nivvotaw kollha kemm aħna fis-26 ta’ Marzu  għax il-manifest elettorali tagħna kundizzjoni waħda biss għandu – biex tgawdu minnu tridu tivvutaw għalih. Li tibqa’ d-dar jew ma tiġborx il-vot huwa vot għall-passat. Għalhekk l-appel tiegħi lilkom, jekk nibqgħu flimkien m’hemm l-ebda sfida li ma nistgħux ngħelbu. Jien lest nisma u bħali sħabi kollha. Tafu li aħna nibnu fuq il-ħafna tajjeb li għamilna u ntejbu fejn stajna għamilna aħjar. Kont it-tarka tagħkom fil-pandemija, se nibqa’ nkun it-tarka tagħkom jekk tisilfuni il-fiduċja tagħkom. Dak kollu li tajna fil-pandemija lill-ħaddiema u n-negozji, kien tagħhom u jibqa’ tagħhom. Il-Gvern la talab u lanqas se jitlob xejn lura. Ivvintaw gidba, il-Kap tal-Oppożizzjoni ivvinta gidba fuq il-wage supplement. Dawk il-miljuni kollha jibqgħu għand in-nies u n-negozji.. magħhom inżidu ħafna aktar.”

Ekonomija

Sport