Friday, November 22, 2024

Koppja Amerikana mmultata $28,000 fuq moħqrija tat-tfal

Aqra wkoll

Koppja Amerikana ġiet immultata $28,000 minn Qorti fl-Uganda wara li wieġbu ħatja għall-akkużi dwar moħqrija tat-tfal u “trattament inuman” tat-tifel ta’ 10 snin li kienu qed jiffosterjaw.

Nicholas u Mackenzie Spencer ammettew għall-akkużi wara ftehim li wħud mill-akkużi l-aktar serji kienu twaqqgħu. Huma kienu akkużati wkoll bi traffikar ta’ tfal u tortura, li tagħhom setgħu jiffaċċjaw għomru l-ħabs.

Il-koppja kienu ħallew lit-tifel jorqod fuq pjattaforma tal-injam u kienu jtuh ikel kiesaħ. In-nanny tagħhom kienet irrapportat dan it-trattament inuman fuq it-tifel, li għandu bżonnijiet speċjali f’Diċembru li għadda.

Il-koppja wieġbu ħatja wkoll dwar trattament degradanti, li kienu ħadmu b’mod illegali u li qagħdu illegament f’dan il-pajjiż mingħajr ma kellhom permess. Għal din l-akkuża ġew ikkundannati xahrejn ħabs, li huma diġà skontaw wara li s-sena l-oħra kienu arrestati. L-Imħallef Alice Kyomuhangi ordnathom ukoll iħallsu lill-vittma kumpens ta’ $26,000.

“It-tifel kien fil-bżonn ta’ għajnuna u appoġġ, peress li tilef lil missieru u kien abbandunat minn ommu stess. Sfortunatament l-akkużati naqsu milli jieħdu ħsieb l-imġiba partikolari tiegħu,” qalet l-imħallef waqt li tat is-sentenza tagħha.

L-Avukat tal-koppja, David Mpanga, tkellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters u qal li t-tifel kellu problemi psikjatriċi filwaqt li l-koppja naqset milli tieħu ħsiebu kif suppost għax ma kellhom l-ebda esperjenza ta’ ġenituri.

Dan il-każ qanqal għajb fost diversi attivisti tad-drittijiet tat-tfal fl-Uganda, li sejħulu bħala “travestija tal-ġustizzja.”

Sport