Wednesday, December 25, 2024

Kroat jammetti li kisser lockers fl-isptar u seraq li sab

Aqra wkoll

Miralem Lihic, Kroat ta’ 43 sena ġie kkundannat 8 xhur ħabs wara li ammetta li kisser xi lockers fl-Isptar Mater Dei u anke seraq dak li sab fihom. Hu ammetta fil-Qorti li wettaq dan kollu biex ikun jista’ jsostni l-vizzju tad-droga. Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Marzu li għadda.

L-Ispettur Eman Hayman li mexxa l-Prosekuzzjoni qal lill-Maġistrat Rachel Montebello li l-oġġetti li nsterqu mill-Isptar ġew irritornati ħlief għal €50 li ħa b’dannu għal wieħed mill-impjegati tal-isptar.

L-avukati difensuri qalu li r-raġel jirrikonoxxi li għandu problema kbira bid-droga u jixtieq li jagħmel programm biex ikun jista’ joħroġ minn dak kollu. Fil-fatt id-difiża qalet li diġa għamel kuntatt mal-Oasi u l-Caritas biex jgħinuh.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet miż-żewġ naħat, il-Maġistrat Montebello kkundannatu 8 xhur ħabs, u mmultatu €573.

Hija ħarġet ordni ta’ trattament għal 3 snin biex matulhom jingħata l-għajnuna u ordnatlu jagħti l-€50 li seraq lill-impjegat.

Ekonomija

Sport