Tuesday, May 14, 2024

“Kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar iwasslu għal aktar kuntentizza u produttività” 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul

Aqra wkoll

F’konferenza li ttellgħet fil-binja tal-GWU bħala parti mill-proġett WIN, proġett internazzjonali ta’ riċerka saret diskussjoni dwar il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet, qsim ta’ ideat u esperjenzi, biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tal-informazzjoni u l-konsultazzjonijiet u l-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fuq il-post tax-xogħol.

Dan il-proġett li qed isir flimkien ma’ unjins oħrajn u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, b’sapport mill-Unjoni Ewropea huwa ta’ importanza biex iżid l-għarfien tar-rappreżentanti tal-postijiet tax-xogħol għall-prevenzjoni ta’ kunflitti waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet.

Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, qal li s-suġġett tal-konferenza huwa wieħed pertinenti. Hekk kif f’dawn l-aħħar snin sar progress kbir fejn jidħlu d-drittijiet tal-ħaddiema huwa qal li xorta waħda ma rridux noħduhom ovvji. 

Dr Ellul kompla jgħid li l-ħaddiema għandhom ikunu nfurmati bid-drittijiet tagħhom speċjalment fil-bidu tal-impjiegi tagħhom filwaqt li min iħaddem għandu jassigura li jkun jaf l-obbligi tiegħu dwar x’informazzjoni għandu jgħaddi lill-ħaddiem. 

Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda li ħabbar fil-ġimgħat li għaddew, miżuri li l-għan tagħhom hu li joħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Huwa kompla d-diskors tiegħu billi qal li dawn il-miżuri huma l-bidu ta’ xi ħaġa akbar, u li l-ħsieb hu li dawn id-drittijiet ikomplu jissaħħu. 

Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi saħaq li kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar iwasslu għal aktar kuntentizza u produttività fuq il-post tax-xogħol. Enfassiza ukoll dwar l-importanza tad- djalogu soċjali sabiex jintlaħaq bilanċ mingħajr kunflitti, biex finalment verament tkompli titjieb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Sport