Saturday, December 28, 2024

KUNSILL LOKALI EQREB GĦAĊ-ĊITTADINI

Aqra wkoll

Tletin sena ilu, pajjiżna introduċa l-kunċett ta’ Gvern lokali. L-għanijiet ewlenin dakinhar kienu s-sussidjarjetà u kif ukoll id-devoluzzjoni ta’ ċertu attivitajiet li sa dakinhar kienu fir-responsabbiltà tal-gvern ċentrali. Kien hemm żmien fejn il-funzjoinijiet tal-kunsilli lokali nbidlu jew tnaqqsu bil-ħsieb li jittaffa l-piż finanzjarju li kienu qed iġorru.

Madankollu, l-importanza tal-kunsilli lokali versu ċ-ċittadini tal-lokal tagħhom baqgħet hemm anki jekk kien hemm dawk li l-kunsilli lokali kienu jarawhom bħala paraventu għall-gvern ċentrali.

Iżda l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġinju wrew li l-poplu għad għandu fiduċja fil-kunsilli lokali anki meta jitqies li l-voti mitfugħa kien pjuttost inqas minn ta’ snin qabel. Fil-fatt, f’dawn l-elezzjonijiet riċenti voti mitfugħa kien hemm 272,602 minn total globali ta’ 457,343 li kienu intitolati li jivvutaw. Turnout ta’ kważi 60%.

Fir-realtà, il-Kunsilliera ġodda li ġew eletti f’dawn l-elezzjonijiet għandhom rwol u responsabbiltajiet importanti tul il-ħames snin tal-mandat tagħhom. 

Għandhom rwol li jkunu aġenti tal-bidla biex ikomplu jtejbu l-kundizzjonijiet taċ-ċittadini fil-komunità tagħhom. Fl-istess waqt, huma jridu jaraw li l-lokalitajiet fejn jgħixu jkunu aħjar u li joffru l-aqwa servizzi liċ-ċittadini. 

Dan is-sentiment kien rifless b’mod qawwi mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-ġurament tal-ħatra lil 476 kunsilliera minn 68 lokalità madwar Malta u Għawdex. Fi kliemu fost oħrajn, il-Prim Ministru aċċenna għall-qalba diġitali u dik ambjentali li għandhom jibqgħu fost l-ogħla prijoritajiet tal-kunsilli lokali. Aħna naqblu perfettament ma’ dawn il-prijoritajiet.

Dawn iżda fit-twettieq tagħhom ipoġġu responsabbiltajiet ġodda għall-kunsilli lokali mhux biss kif se jagħmlu biex il-lokalità tagħhom tkun isbaħ u aħjar imma wkoll aċċessibbli b’mod adegwat għas-servizzi li joffri l-istat. Quddiemhom għandhom ukoll l-isfida tad-digitalizzazzjoni. Sfida li jridu jaraw kif se jiffaċċjawha partikularment fejn jidħlu servizzi għall-anzjani.

F’dan il-kuntest iżda, għandna għax nemmnu illi fiż-żmien li ġej is-sistema diġitali offruta mill-Kunsilli Lokali tkompli tagħti l-opportunità lir-residenti jinqdew mill-kumdità ta’ darhom fil-firxa wiesgħa ta’ servizzi offruti kemm mill-gvern lokali u anki mill-gvern ċentrali. 

L-għan għandu jibqa’ wieħed, dak li jnaqqas kemm jista’ jkun l-iskariġġ għaċ-ċittadini fil-lokalitajiet, b’mod partikolari għall-anzjani li jkunu jinħtieġu tali servizzi. 

Aħna konvinti li l-Kunsilliera li t-Tlieta li għadda ħadu l-ġurament se jirrealizzaw li d-dmir tagħhom qabel kollox huwa li jservu u mhux jisservew. Dan qed ngħiduh minħabba r-responsabbiltà li jġorr il-ġurament li ħadu. 

Ekonomija

Sport