Saturday, December 28, 2024

Kunsilliera li se jagħtu servizz f’kuntest ta’ qalbiet u bidliet importanti favur in-nies

Il-Prim Ministru Robert Abela b’indirizz qabel il-ġurament tal-ħatra tal-Kunsilliera Lokali

Aqra wkoll


F’ċerimonja għal ġurament tal-ħatra tal-Kunsilliera Lokali ta’ 68 lokalità madwar Malta u Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Kunsilli Lokali huma kollaboraturi ewlenin fil-bidliet li rridu nkomplu nagħmlu bħala pajjiż. Għalhekk sejjaħ lill-Kunsilliera bħala aġenti għal bidla li twassal titjib fil-ħajja tan-nies fil-komunità.

Ftit qabel mal-Kunsilliera f’Kunsilli Lokali minn sitt reġjuni differenti ħadu l-ġurament, f’indirizz li għamel, il-Prim Ministru nnota l-għażla li għamlu l-Kunsilliera eletti li jaħdmu għall-komunità. Qal li l-Kunsilliera, b’esperjenzi differenti, uħud stabbiliti u oħrajn żgħażagħ u uċuħ ġodda, għandhom ħaġa waħda komuni: ir-rieda li l-postijiet fejn ngħixu jkunu isbaħ u fihom offruti l-aqwa servizzi. Kien hawn li mhux biss semma l-importanza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, bil-qalba ambjentali fuq quddiem nett, iżda semma wkoll il-qalba diġitali u diġitalizzazzjoni tas-servizzi.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fiż-żmien li ġej qed naraw li sistema diġitali offruta mill-Kunsilli Lokali tkompli tagħti l-opportunità lir-residenti jinqdew u jirċievu għadd ikbar ta’ servizzi mill-kumdità ta’ djarhom fi xħin jeħtieġu. Dr Abela mbagħad semma li deċiżjonijiet oħra li rridu nieħdu huma dwar spazji bħal pjazez għan-nies, aktar milli għall-karozzi. Fisser dawn bħala deċiżjonijiet kuraġġużi li rridu neħduhom wara li nisimgħu u nikkonsultaw iżda finalment niddeċiedu u nimplimentaw. Saħaq li l-Gvern ċentrali se jkun mal-Kunsilli Lokali u filwaqt li jkompli jinvolvihom, jappoġġjahom f’ħidma li trid tkun iffukata fuq l-interess tal-lokal.

Indirizzaw ukoll lill-Kunsilliera, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli. Il-Ministru Bonnici feraħ lill-476 Kunsilliera eletti fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda u saħaq li l-ħidma tagħhom għandha tkun prova tal-impenn lejn il-komunitajiet tagħna. Huwa saħaq li l-Kunsilli Lokali tagħna għandhom jaraw li jibnu fuq it-talenti ta’ kulħadd u jkunu forza pożittiva ta’ bidla bil-għan li r-residenti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Dr Bonnici faħħar id-diversi inizjattivi li saru mill-Kunsilli Lokali fl-aħħar ħames snin, bħal spazji miftuħa, ġonna, restawr, ċentri għall-anzjani u servizz ta’ trasport għar-residenti, u qal li kollox jorbot mal-ħtieġa li n-nies jinżammu fiċ-ċentru tal-prijoritajiet. Huwa qal li l-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali u semma ż-żidiet fl-allokazzjonijiet finanzjarji u l-istrateġiji li ġew imnedija bħala prova ċara ta’ dan.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli għamlet aċċenn fuq il-perjodu ta’ tibdil u aġġornament li għaddej minnu s-settur tal-Gvern Lokali f’pajjiżna. Hija qalet li sabiex dan il-qasam ikompli jiġġedded skont il-bżonnijiet li jinbidlu maż-żminijiet, l-imsieħba tal-Gvern Lokali għandhom iwettqu flimkien il-miri u r-riformi indikati fil-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali. Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli rringrazzjat lill-kandidati kollha li resqu ’l quddiem u ħadmu favur il-lokalitajiet rispettivi tagħhom, filwaqt li awgurat li s-sens ċiviku tal-Kunsilliera eletti jissarraf f’impenn u aktar ħidma favur ir-residenti li fdawhom bit-tmexxija tal-lokalitajiet tagħhom.

Ekonomija

Sport