David Borg ta’ 45 sena minn Ħal Qormi li qal li jaħdem bħala kuntrattur wieġeb mhux ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel meta kien fi stabbiliment tad-divertiment f’San Pawl il-Baħar.
Borg ġie akkużat mill-Ispettur Ryan Vella li dakinhar tal-każ kiser il-bon ordni, u l-kwiet pubbliku.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kien nhar il-Ħadd li għadda meta l-Pulizija rċivew rapport fl-Għassa tal-Qawra li kienet seħħet ġlieda fi stabbiliment tad-divertiment.
Hekk kif il-pulizija waslu fuq il-post sabu raġel midrub fejn irriżulta li kien qala daqqa ta’ flixkun tal-ħġieġ f’rasu. Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li kien qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija mill-ewwel bdiet tfittxija għal aggressur li kien ħarab minn fuq il-post. Iżda aktar tard matul il-jum mar minn jeddu l-għassa tal-Qawra.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax. Saret talba biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fuq l-vittma u l-familjari tiegħu.
Il-Maġistrat Joseph Gatt laqa’ t-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma 3 darbiet fil-ġimgħa l-għassa ta’ Ħal Qormi, jiddepożita s-somma ta’ €1,500 u jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €4,000 waqt li ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq l-allegat vittma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Generali flimkien mal-Ispetturi Wayne Galea u Ryan Vella waqt li l-akkużat għandu jiddefenduh lill-Avukati Keith Borg u Frank Tabone.