Wednesday, July 24, 2024

Kważi 6.6 miljun passiġġier qasmu bejn Malta u Għawdex fl-2023

… Żieda ta’ 15.4% fuq l-2022

Aqra wkoll

Is-sena li għaddiet qasmu bejn Malta u Għawdex xejn inqas minn 6,569,197 passiġġier. Dan kien ifisser żieda ta’ aktar minn 874,000 jew 15.4% meta mqabbel mas-sena 2022. 

Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li wrew riżultati pożittivi għat-trasport bil-baħar fl-2023 fejn kienu rreġistrati żidiet mhux biss fil-passiġġieri imma wkoll fil-vjaġġi li saru u l-vetturi li qasmu bejn Malta u Għawdex.

Fil-fatt, matul is-sena li għaddiet, il-kumpanija Gozo Channel flimkien mas-servizz tal-fast ferry għamlu bejniethom 41,926 vjaġġ, li jfisser 1,187 vjaġġ aktar mis-sena ta’ qabel. 

Min-naħa l-oħra, l-għadd ta’ vetturi li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer fl-2023 kienu jammonaw għal 2,039,051, li jfisser żieda ta’ 78,236 jew 4% fuq is-sena ta’ qabel. 

Ta’ min jinnota wkoll li ż-żieda fl-għadd ta’ passiġġieri kienet irreġistrata f’kull kwart, bl-akbar żieda ta’ 16.6% kienet irreġistrata bejn April u Ġunju tas-sena li għaddiet

Ekonomija

Sport