Tuesday, April 30, 2024

L-10 film ta’ De Niro u Scorsese

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

It-teatri Amerikani kienu mimlija fi tmiem il-ġimgħa bil-concert film ta’ Taylor Swift, “The Eras Tour”.  B’kollox kellu dħul ta’ madwar $95 miljun fi tmiem il-ġimgħa.   

“The Eras Tour” sar il-concert film bl-akbar dħul mit-teatri.  Ir-rekord qabel kien ta’ $73 miljun għal “Justin Bieber: Never Say Never” li kien intwera fl- 2011.  Is-suċċess ta’ dan il-concert film kien previst, tant li “The Exorcist: Believer” bidel id-data preferuta ta’ il-Ġimgħa 13 tax-xahar u minflok ħareġ ġimgħa qabel.  Għal Taylor Swift, it-13 hu in-numru favorit tagħha.

Fl-erba’ postijiet l-oħra fil-qauċċata tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa kienu okkupati minn “The Exorcist: Believer”, il-film animat “PAW Patrol: The Mighty Movie”, “Saw X” u fil-ħames post “The Creator”.

Killers of the Flower Moon

Għal ħafna snin, Martin Scorsese iġġieled ġlidiet kbar mal-istudios biex ma jaqtaw xejn mill-films tiegħu.  Għall-bidu kien diffiċli jirbaħ l-argument.  Meta l-films tiegħu bdew jiksbu suċċess fil-box office u rispett mill-kritiċi, Scorsese beda jara li kienet tgħaddi tiegħu.  Illum ebda studio ma jindaħallu u forsi mhux bilfors ipoġġih f’qagħda tajba.

“Killers of the Flower Moon” hu twil 3 sigħat u nofs.  Hu twil wisq u li kien iqsar, kien ikun aktar effettiv.

Xorta nemmnu li hu film interessanti b’interprirazzjonijiet b’saħħithom minn Leonardo DiCaprio u Robert De Niro.

Ispirat mill-ktieb ta’ David Grann, in-narrattiva teħodna fl-għoxrinijat meta nies indiġeni Amerikani ġew imġegħla mill-gvern Amerikan jitilqu l-artijiet tagħhom u jmorru jabitaw f’Osage fejn ħadd ma ried imur jgħix.

Ġara li f’dik il-parti nstab iż-żejt u bil-prosperità li kien hemm, dawn i-nies setgħu jsiru fost l-aktar nies għonja fl-Amerika.

Leonardo DiCaprio għandu l-parti ta’ Ernest Burkhart.  Huwa jkun veteran opportunist tal-Ewwel Gwerra Dinjija.  L-ewwel waqfa malli jasal lura tkun għand żijuh, William Hale (Robert De Niro).  Hale jara f’neputih il-bniedem ideali biex jwettaq il-pjan malinn li kellu.

Ernest ma jintebaħx kif zijuh beda jilgħabu.  L-ewwel mossa ta’ William kienet li Ernest jiżżewweġ lil Mollie (Lily Gladstone).

Ma tantx jgħaddi żmien sabiex qraba ta’ Mollie jibdew imutu f’ċirkustanzi misterjużi.  William Hale li kien neguzjant kbir u rgħib, kellu lil diversi politiċi taħt subgħajh u kien jaħseb li seta’ jagħmel li jrid bla ma jinqabad.  Imma kien iż-żmien li twieldet l-FBI u din ħadet l-investigazzjoni f’idejha.

Fl-istil tipiku tad-direttur Martin Scorsese, l-film hu mill-perspettiva tal-kriminali. Diversi films li ħadem għandhom temi komuni: korruzzjoni, vjolenza u manuvrar illeċitu.  “Killers Of The Flower Moon” mhux eċċezzjoni.  

Martin Scorsese enfażizza li ħadem dan il-film f’kollaborazzjoni sħiħa mal-komunitá ta’ indiġeni Amerikani ta’ Osage.

Dan il-film sewa $200 miljun biex inħadem u hu l-film bl-akbar budġit li Scorsese ħadem fil-karriera tiegħu.

Dan hu l-10 film li Martin Scorsese qed jaħdem flimkien ma’ l-attur Robert De Niro u s-sitt film ma’ Lonardo Di Caprio.

“Killers of the Flower Moon” hu kklassifikat 15 minħabba xeni qawwija u dettal ta’ vjolenza kif ukoll razziżmu.

The Exorcist: Believer

Ħamsin sena wara li l-film klassiku ta’ William Friedkin  itterorizza l-udjenzi madwar id-dinja kollha, issa għanda s-sequel dirett għalih “The Exorcist: Believer”.  Id-direttur hu David Gordon Green li riċentament reġa rxoxta l-franchise ta’ Halloween.  

Għalkemm il-film ġie fdat f’idejn Blumhouse Pictures, li saret il-kumpanija li tispeċjalizza fil-films tal-orrur, ma tista’ tagħmel ebda paragun mal-film oriġinali.  Dan hu s-sitt film f’din il-franchise ispirat mill-ktieb ta’ William Peter Blatty.  Iż-żewġ sequels u ż-żewġ prequels ta’ qabel ma ħolqu ebda sensazzjoni.  Anqas dan.  Il-Universal ħalset $400 miljun biex takkwista d-drittijiet u ma jidhirx li kien investiment tajjeb.  Iridu jaraw x’ser jagħmlu jekk ser ikomplu bl-idea li sentejn oħra jagħtuna “The Exorcist: Deceiver”.

F’“The Exorcist: Believer” tirritorna Ellen Burstyn fil-parti ta’ Chris MacNeil.  Din id-darba mhux tifla waħda imma tnejn isibu rwieħhom taħt il-ħakma tax-xitan.  Wara l-esperjenza li kellha b’bintha Regan, MacNeil tmur biex tati l-għajnuna tagħha, beżgħana jekk hix ser tkun kapaċi ssalvhom. 

It-tfajliet li jaqgħu vittma tax-xitan huma Angela (Lidya Jewett) u ħabibtha Katherine (Olivia O’Neill).  Leslie Odom Jr. għandu l-parti ta’ missier Angela.

“The Exorcist: Believer” hu kklassifikat 15 minħabba x-xeni ta’ biża’, vjolenza u kliem iebes

Sport