Monday, December 23, 2024

L-Aġenzija Sapport żiedet is-servizzi minkejja l-pandemija Covid-19

Aqra wkoll

Minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19 wasslu għal tibdil, fosthom fil-mod kif l-Aġenzija Sapport twassal is-servizzi tagħha lil persuni b’diżabilità, ir-rapport ta’ ħidma tagħha għas-sena 2020 juri li r-reżiljenza u l-flessibilità tagħha kienu strumentali biex is-servizzi mhux talli ngħataw talli anke tnedew servizzi ġodda.

Għas-sena 2020 l-Aġenzija Sapport kellha baġit ta’ ftit inqas minn €23 miljun, ċifra li turi żieda ta’ ftit inqas minn żewġ miljuni fuq il-baġit tas-sena 2019 u żieda ta’ ftit inqas minn seba’ miljuni fuq tas-sena 2018.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli sostniet li, “Dan hu l-akbar investiment li qatt sar fil-persuni b’diżabbiltà, turija ċara li dan il-Gvern hu kommess li persuni b’diżabbiltà jingħataw ħajja indipendenti fil-qalba tal-kommunitajiet tagħna.” Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ġiet preżentata bir-Rapport Annwali tal-Aġenzija Sapport mill-Kap Eżekuttiv Ruth Sciberras.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li s-settur tal-persuni b’diżabilità, meta meqjus il-fatt li huwa settur vulnerabbli, kien fost is-setturi mill-aktar milqutin mis-sitwazzjoni maħluqa mill-pandemija Covid-19. “Sitwazzjoni li kienet u għadha titlob impenn akbar u aġġustat min-naħa ta’ kull min imiss ma’ dan is-settur, partikolarment min-naħa tal-Aġenzija Sapport, li riedet u kellha tadatta għaċ-ċirkostanzi biex l-impatt fuq il-klijenti tagħha, persuni b’diżabilità, ikun mill-inqas.”

Ir-Rapport Annwali tal-Aġenzija jirrifletti d-determinazzjoni mhux biss tal-Aġenzija imma wkoll tal-Gvern li jsir dak kollu possibbli biex il-persuni b’diżabilità jintegraw fis-soċjetà, bħal u daqs kull membru ieħor tas-soċjetà.

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li s-sena 2020 kienet sena ta’ sfidi iżda wkoll sena fejn it-tim dinamiku tal-Aġenzija wera kif jista’ xorta jwassal servizzi effettivi u effiċjenti lil persuni b’diżabilità u lill-familjari tagħhom f’perjodu diffiċli u bla preċedent.

Dan ġie rifless fin-numru ta’ persuni li bbenefikaw mis-servizzi, mill-provediment ta’ servizzi f’każijiet ta’ emerġenza, u ż-żieda fit-talbiet għal kuntatt soċjali li ta sostenn lil diversi persuni b’diżabilità li ħassewhom waħedhom matul il-pandemija. “L-għan tal-Aġenzija hu li tkompli tikber u twessa’ l-firxa ta’ servizzi u l-postijiet minn madwar Malta u Għawdex minn fejn twassal is-servizzi tagħha kif ukoll tkompli l-ħidma u l-kollaborazzjoni ma’ entitajiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-benefiċċju tal-klijenti”.

Is-Sinjura Sciberras irringrazzjat lill-professjonisti u l-impjegati kollha tal-aġenzija li grazzi għalihom setgħu jitwasslu dawn is-servizzi minkejja d-diffikultajiet waqt li ħadmu bħala tim għar-ristrutturar, żvilupp u implimentazzjoni ta’ servizzi u proġetti ġodda.

Mir-Rapport Annwali jirriżulta li matul is-sena 2020 ingħataw aktar minn €1.2 miljuni f’assistenza lil persuni b’diżabilità permezz tal-iskemi Direct Payment, Independent Community Living u Personal Assistance Fund filwaqt li aktar minn €200,000 ingħataw taħt l-iskema Empowerment Scheme.

Ġiet ivvutata wkoll is-somma ta’ ftit anqas minn €3 miljun fuq il-proġett Soċjetà Ġusta fuq residenza ġdida fiż-Żurrieq, xogħol fuq residenza fil-Qrendi u proġett għal residenza oħra f’Ħal Kirkop. Spiża ta’ ftit inqas minn €370,000 saret fuq xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar fiċ-ċentri ta’ matul il-jum u residenzi li għandha l-Aġenzija Sapport.

Is-servizzi ġodda li tnedew matul is-sena li għaddiet kienu ċentru ta’ matul il-jum f’Baħar iċ-Ċagħaq; Helpline għall-persuni b’diżabilità; kollaborazzjoni inter-ministerjali dwar żvilupp ta’ strateġija nazzjonali dwar screening tat-tfal; is-servizz ta’ ħidma soċjali żviluppa f’tim multi-dixxiplinarju sabiex iservi b’mod aktar ħolistiku lil tfal, żgħażagħ u adulti b’diżabilità (assessment & intervention unit) u twaqqif ta’ dipartiment ġdid li jara li l-iskemi ta’ servizzi fil-komunità jkunu moniterjati u jara t-tqassim ta’ fondi lil persuni b’diżabilità li jeħtieġu l-assistenza ta’ carer tal-għażla tagħhom.

Sa Diċembru li għadda l-Aġenzija Sapport kellha 573 impjegat.

Ekonomija

Sport