Fl-14 ta’ Diċembru, ttieħdu żewg voti importanti fil-Parlament Malti dwar il-budget u fuq il-liġi tal-kannabis:
1. L-approvazzjoni tal-budget għas-sena d-dieħla.
Dan huwa l-akbar budget waqt pandemija, l-iktar budget ambizzjuż ambjentalment, kif ukoll l-iktar budget soċjali, b’diversi miżuri li jgħinu lill-familji u l-ħaddiema, dawk vulnerabbli, dawk pensjonanti, dawk studenti, kif ukoll jinkludi inċentivi favur l-ambjent u t-tibdil fil-klima, billi jinċentiva l-użu t’enerġija nadifa u xiri ta’ vetturi hybrid u elettriċi li jniġġsu inqas. Budget li jħares li jnaqqas l-abbuż u li jippremja l-bżulija tal-ħaddiema billi jnaqqas it-taxxa fuq xogħol part-time u fuq l-over-time, fost l-oħrajn.
Dan huwa budget li verament iwassal għat-triq tas-suċċess u għal-ħajja aħjar li rridu nħallu lil uliedna. Malta li hija ekonomikament b’saħħita u fiskalment indipendenti u reżiljenti li tista’ taffaċja numru ta’ sfidi. Dan huwa investiment fin-nies għaliex in-nies huma l-għodda li jistgħu jagħmlu dan kollu possibbli.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni kritikat il-miżuri tal-budget bħala ħela u tberbiq ta’ flus, dan l-istess budget kiseb l-approvazzjoni ta’ entitajiet internazzjonali bħall-Kummissjoni Ewropea. L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea waslu għal tliet konklużjonijiet;
- li hemm qbil mal-Gvern dwar it-tbassir ekonomiku ta’ Malta,
- hemm qbil ukoll mal-miri fiskali tal-Gvern u
- dak imħabbar fil-Budget jista’ jintlaħaq.
2. Ir-riforma tal-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Malta saret l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea biex tilleġiżla favur l-użu responsabbli tal-kannabis. Din ir-riforma tirrikonoxxi r-realtajiet fis-soċjetà, fejn l-għan ta’ din il-liġi huwa li ma nħarsux lejn dawk li jixtru l-kannabis għal skop personali bħala kriminali. Kif ukoll, b’din il-liġi, dawk li jagħmlu użu personali mill-kannabis, jistgħu jagħmlu dan minn suq legali.
B’din ir-riforma jistghu jitkabbru massimu sa erba’ pjanti tal-kannabis, anke f’każ li jkun hemm iżjed minn persuna waħda li jpejpu l-kannabis. Biex ikun hemm kontroll fuq din il-liġi, inħolqot Awtorità li se tkun responsabbli mill-infurzar, mill-edukazzjoni u kampanji meħtieġa ta’ edukazzjoni effettivi fuq liema tip ta’ kannabis qegħda tiġi leġiżlata f’Malta u dwar l-użu responsabbli tagħha.
Il-midja internazzjonali bħal BBC, CNN, Politico u Reuters rrappurtaw din il-liġi, kif ukoll pajjiżi Ewropej oħra fosthom il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Iżvizzera, fost oħrajn, huma mistennija li jsegwu fuq il-passi ta’ Malta.
Deċiżjonijiet importanti oħra li ttieħdu din il-ġimgħa huma:
1. L-estensjoni tas-suppliment tal-paga kif inhu issa, sal-aħħar ta’ Jannar 2022. Din id-deċiżjoni se tkompli sservi biex tipproteġi l-impjiegi, lin-negozji u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
2. Il-ħatra tal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba li ġie elett Viċi-President tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Din il-ħatra hija evidenza oħra tal-ħidma għaqlija li jagħmel dan il-partit u l-fiduċja tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-partit laburista.
3. L-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-pjan ta’ rkupru ta’ Malta fejn ikompli jidher ċar l-għan tal-gvern sabiex Malta tkun ħielsa mill-karbonju sas-sena 2050. Il-KE ħabbret li dan il-pjan huwa fost l-aktar wieħed ambjentali fl-UE.
Dawn huma deċiżjonijiet li jkomplu jsaħħu l-fiduċja u l-kredibbiltà tal-poplu kollhu fil-Gvern Laburista, għaliex dan huwa gvern li jaħdem bil-fatti u mhux biss bil-paroli.