- L-iskeda tax-xitwa 26/27 toffri titjiriet lejn aktar minn 80 ajruport
- Settembru jintemm b’1.1 miljun movement tal-passiġġieri
- L-aqwa ħamest iswieq responsabbli għal 63% tat-traffiku ta’ Settembru
Hekk kif l-istaġun tas-sajf jiġi fi tmiemu fl-aħħar ta’ Ottubru għall-industrija tal-avjazzjoni, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nieda l-iskeda l-ġdida tiegħu għax-xitwa, li toffri titjiriet lejn aktar minn 80 ajruport f’31 suq.
L-iskeda toffri network ta’ titjiriet b’saħħtu lejn swieq Ewropej ewlenin, bir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Ewropa jgawdi mill-ogħla ammont ta’ konnessjonijiet u l-Punent tal-Ewropa jkun moqdi mill-akbar numru ta’ linji tal-ajru.
Is-suq Skandinavu, li għandu importanza strateġika għall-Gżejjer Maltin, ser ikun aċċessibbli permezz ta’ titjiriet operati minn tliet linji tal-ajru lejn id-Danimarka u l-Isvezja.
L-iskeda tax-xitwa toffri wkoll titjiriet lejn ajruporti fil-Lvant Nofsani u l-Afrika.
Hekk kif l-inċertezza ġeopolitika u ekonomika qiegħda tkompli taffettwa l-industrija, l-iskeda l-ġdida tirrifletti l-fiduċja tal-linji tal-ajru li joperaw mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fil-potenzjal tal-Gżejjer Maltin. Filwaqt li ċerti rotot ser jibbenefikaw minn titjiriet aktar frekwenti, oħrajn ser jaraw tnaqqis fit-titjiriet biex b’hekk in-numru ta’ passiġġieri matul ix-xitwa li ġejja mistenni stabbli meta mqabbel max-xitwa li għaddiet.
IT-TRAFFIKU TAL-PASSIĠĠIERI F’SETTEMBRU
F’Settembru, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 1,109,789 passiġġier, bl-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport jikkontribwixxu għal 63 tat-traffiku tax-xahar.
Ir-Renju Unit, l-Italja, il-Polonja u l-Ġermanja kollha rreġstraw livelli differenti ta’ tkabbir, filwaqt li s-suq Franċiż irreġistra tnaqqis ta’ 10.7% fin-numru ta’ passiġġieri.
Ir-riżultat tat-traffiku ta’ Settembru, li ammonta għal żieda ta’ 12% fit-traffiku tal-passiġġieri, inkiseb grazzi għal żieda ta’ kważi 16% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. Is-seat load factor (SLF) għax-xahar irreġistra tnaqqis marġinali ta’ tliet punti perċentwali biex kien f’livell medju ta’ 87.7%.

