L-akbar investiment li qatt sar fis-settur tad-diżabilità… allokazzjoni ta’ €145.5 miljun

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern qed jalloka investiment rekord ta’ €145.5 miljun fis-settur tad-diżabilità, liema investiment jinkludi €75.5 miljun għall-provvista u t-tisħiħ tas-servizzi kif ukoll €70 miljun oħra li se jmorru direttament fil-bwiet tal-familji li fihom hemm persuni b’diżabilità.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tagħha.

Waqt l-intervent tagħha, il-Ministru Farrugia saħqet li dan is-settur għandu żewġ elementi importanti: minn naħa, l-istejjer ta’ suċċess u ta’ ispirazzjoni ta’ persuni b’diżabilità li qed jirnexxu u jagħmlu differenza fis-soċjetà Maltija; u min-naħa l-oħra, l-impenn kollettiv biex dan is-settur ikompli jingħata l-attenzjoni u l-appoġġ meħtieġ.

Hija rrimarkat li l-investiment propost għandu jiġi apprezzat ukoll fil-kuntest internazzjonali ta’ dak li għaddej madwarna. Barra minn hekk, il-Ministru fakkret li l-aħħar allokazzjoni għall-qasam tad-diżabilità taħt Gvern Nazzjonalista kienet ta’ €22 miljun, seba’ darbiet inqas minn dan il-budget li qed iressqu quddiem il-poplu Malti u Għawdxi.

“F’dawn l-aħħar sitt snin, dan is-settur għallimni qatt ma taqta’ qalbek,” qalet il-Ministru, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li s-settur jibqa’ jitħares b’approċċ uman, li jqiegħed lill-persuna fiċ-ċentru tal-ħidma.

Fost l-inizjattivi ġodda mħabbra hemm proġett pilota li se jibda fil-ġimgħat li ġejjin u li jinvolvi l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ geo-tracking għal persuni b’diżabilità li jgħixu f’residenzi jew jattendu ċentri ta’ matul il-jum immexxija mill-Aġenzija Sapport.

L-ewwel fażi tal-proġett se tiffoka fuq il-11-il residenza li l-Aġenzija għandha f’Malta u Għawdex. Qabel l-implimentazzjoni, se jsiru diskussjonijiet mal-persuni b’diżabilità li jgħixu f’dawn ir-residenzi, kif ukoll mal-carers u l-familji tagħhom. Wara li jiġi evalwat ir-riżultat tal-proġett pilota, ikun jista’ jiġi kkunsidrat it-twessigħ tiegħu.

Il-Ministru spjegat li din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza sitwazzjonijiet fejn, minħabba l-kundizzjoni tagħhom, xi persuni jistgħu jitbiegħdu minn fejn ikunu f’qasir żmien, u għalhekk ikun hemm bżonn ta’ aktar għodod biex tiġi mħarsa s-sigurtà tagħhom.

Inizjattiva oħra li semmiet il-Ministru Farrugia kienet il-proġett pilota ta’ lezzjonjiet b’xejn tal-għawn għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Qalet li b’dan il-proġett, diġà kien hemm 80 tifel u tifla li kellhom l-opportunità li jitgħallmu jgħumu.

Sadanittant, tħabbar ukoll li minn Jannar li ġej, il-Carer’s Grant se tiżdied bi kważi 40%, biex tilħaq is-somma ta’ €7,500 fis-sena. Miżura oħra inkluża fil-budget hija l-introduzzjoni ta’ terapiji bla ħlas għal tfal b’diżabilità jew b’kundizzjoni newrodiverġenti taħt it-18-il sena.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport