F’attività qalb in-nies fil-Belt Valletta, li tat bidu għall-vjaġġ ta’ ċelebrazzjonjiet ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela saħaq li tul dawn l-aħħar 12-il sena, l-akbar riforma li wettaq Gvern Laburista kienet fil-qasam tax-xogħol.
Fakkar kif sal-2013, f’pajjiżna kien hawn mat-8,000 ruħ bla xogħol u għal kull opportunità ta’ xogħol kien ikun hemm mas-7 ħaddiema jirreġistraw, filwaqt li l-kwalità tax-xogħol li kien hawn kienet inferjuri għall-opportunitajiet li hawn illum.
Dr Abela fakkar kif taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, pajjiżna kellu rekord storiku negattiv fil-finanzi. Sostna li d-dejn kien ilaħħaq is-70% tal-Prodott Domestiku Gross filwaqt li ċerti nies kien jaqblilhom jibqgħu fuq il-benefiċċji soċjali milli jmorru jaħdmu għax dak iż-żmien, Gvern Nazzjonalista kien jintaxxa l-paga minima nazzjonali.
Dr Abela qal li Gvern Laburista rnexxielu jkabbar l-ekonomija sitt darbiet aktar mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja u kompla jkabbarha minkejja l-isfidi kbar internazzjonali tal-pandemija, l-inflazzjoni u l-gwerer. Il-Prim Minsitru qal li dan kien possibbli għax Gvern Laburista baqa’ jinvesti l-miljuni tal-ewro fin-nies u refa’ l-piżijiet hu flok tefagħhom fuq il-familji u n-negozji.
Il-Prim Ministru saħaq li tul l-2024, il-Gvern investa rekord ta’ madwar €1,500 miljun fil-qasam soċjali u fl-istess ħin irnexxielu jnaqqas id-dipendenza tan-nies fuq il-benefiċċji soċjali. Tkellem ukoll dwar diversi żidiet li ngħataw fosthom lill-pensjonanti u anke lill-familji bit-tfal, liż-żgħażagħ u lin-negozji. Spjega wkoll kif b’investiment ta’ miljuni tal-ewro, il-Gvern irnexxielu jsalva diversi soċjetajiet mużikali li kienu se jiġu żgumbrati mill-każini tagħhom.
Dr Abela tkellem ukoll dwar ir-riforma fil-liġi tal-IVF li permezz tagħha ħafna koppji setgħu jsiru ġenituri għall-ewwel darba, u kif fl-aħħar jiem tħabbret miżura oħra li s-self employed li jkunu għaddejin mill-IVF jistgħu ikollhom l-ekwivalenti tal-leave imħallas li għandhom il-ħaddiema.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-carers’ grant għall-ġenituri li ma jistgħux joħroġu jaħdmu minħabba li jridu jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabilità u sostna kif il-Gvern qiegħed ukoll iħallas il-bolol ta’ dawn il-ġenituri sabiex meta jaslu għall-età tal-irtirar ikollhom il-pensjoni.
Dr Abela elenka lista sħiħa t’għajnuniet li qed jagħti l-Gvern għal min jixtieq isir sid ta’ daru fosthom l-iskema tal-equity sharing li issa ġiet estiża għall-persuni minn 25 sena ‘l fuq u anke l-iskema tal-first-time buyers li baqgħet tiġi tingħata sena wara l-oħra.
Fakkar ukoll kif Gvern Laburista qed joffri l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin fosthom permezz tal-ftehim kollettiv għaċ-ċivil u li minnu qed jibbenefikaw mat-33,000 ħaddiem.
Ftit ġimgħat bogħod mill-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, Dr Abela temm b’appell biex fl-1 ta’ Mejju kulħadd jingħaqad mal-Partit Laburista fil-Belt Valletta biex flimkien niċċelebraw il-festa tal-ħaddiema.
Wara li ndirizza lin-nies li nġabru fi Pjazza Jean de Valette, il-Prim Ministru kompla jiltaqa’ man-nies fil-Belt Valletta, u żar fost l-oħrajn ukoll il-każin tal-banda King’s Own u xi ħwienet oħrajn tal-kapitali.