“Kont perpless b’dan il-verdett imma wkoll b’dak li ġara wara l-verdett.” Hekk iddikjara l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza stampa li indirizza lbieraħ b’rabta mal-eżitu tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech.
Dr Muscat qal li “l-verdett, l-ewwel punt tiegħu huwa li rridu nirrispettaw il-kors tal-ġustizzja u d-deċiżjoni. Ma jfissirx li ma jsirx skrutinju ta’ din id-deċiżjoni. Jiena nirrispetta l-verdett imma nista’ nikkritikah ukoll il-verdett.”
Qal li kemm l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll dan il-verdett, jimmarkaw lill-pajjiż fil-passat, fil-preżent u fil-futur. “Immarkawh b’dak li ġara. Jimmarkawh fir-reazzjoni tagħna wkoll,” qal Dr Muscat.
Huwa qal li jinsab perpless bil-verdett għax il-każ kif kien ippreżentat lill-ġurija, kien ġie preżentat lilu fil-bidu nett ta’ infanzja tiegħu u fuqu kien iddeċieda u refa’ r-responsabiltà biex jagħti parir lill-President għall-maħfra presidenzjali fil-konfront ta’ Melvin Theuma.
“La kien daqshekk b’saħħtu l-każ dakinhar, aħseb u ara llum il-ġurnata disa’ snin wara bid-dettalji kollha li ħarġu. Għalhekk kont perpless bid-deċiżjoni,” qal Dr Muscat.
Huwa iżda tenna li s-soċjetà għandha r-regoli tagħha fejn irrefera għar-rule of law. Qal li r-regoli ma jistgħux jgħoddu meta r-riżultat jogħġobna biss. “Ir-regoli huma regoli. Ir-rule of law tagħti d-dritt ta’ ġuri. Ġuri li huwa vuċi tas-soċjetà u istituzzjoni daqs l-oħrajn.”
Huwa wera d-dispjaċir tiegħu li ħadd ma ddefenda lill-ġurati li qdew dmirhom bħala ċittadini. “Nistgħu ma naqblux mad-deċiżjoni imma rridu nifhmu li kienet deċiżjoni qawwija ħafna, unanima jew kważi.”
“Ma nistgħux nibagħtu messaġġ bħala soċjetà li jew tiddeċiedu kif irridu aħna nkella nqattgħukom biċċiet. Għaliex dik qed timmina l-istituzzjoni kollha kemm hi tal-ġustizzja. Fil-fehma tiegħi hemm effett fuq potenzjal retrial. Mhux qed nirrealizzaw li dan l-għajat kollu li qed isir qed jimmina l-istituzzjoni kollha tal-ġustizzja,” qal Dr Muscat.
Huwa saħaq li r-responsabbiltà li jipprovaw il-każ ma kinitx tal-ġurati. Ir-responsabbiltà tagħhom kienet li jwieġbu jekk jekk kinux konvinti lil hinn minn kull dubju raġjonevoli bil-każ li kien preżentat lilhom. “U b’mod b’saħħtu ħafna, naqblu jew ma naqblux, dawn id-disa’ persuni qalu le.”
Dr Muscat fakkar ukoll li ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni fl-inkjesta pubblika biex tinbidel is-sistema ta’ trial by jury. Qal li din l-inkjesta li kienet maħtura minnu, huwa jirrispetta l-konklużjonijiet kollha tagħha u jaċċettahom.
Madankollu huwa rrikonoxxa li “kien żball tiegħu” li ċeda għat-timing tal-inkjesta. “Kien prematur. Kien hemm pressjoni biex din issir. Il-konklużjoni ewlenija tal-inkjesta pubblika hi totalment kuntrarju għall-konklużjoni tal-ġuri.”
Waqt li kkritika lill-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino, huwa qal li kien jemmen li se jiġi bbilanċjat minn żewġ imħallfin oħra, li iżda mbagħad qal li kienu “totalment dgħajfa f’dan kollu.”
“Kien selettiv immens. Ibbaża ruħu fuq affarijiet li mbagħad fil-ġuri ġew totalment mormija l-baħar. Għalhekk ngħid li kien ikun ħafna u ħafna aħjar li issa kellha ssir l-inkjesta pubblika li tista’ tagħti dak kollu illi hemm bżonn li tagħti bħala follow-up bħala responsabbiltajiet f’dan il-każ u f’każijiet oħra,” qal Dr Muscat.
“Weġġgħatni ħafna n-narrattiva li twaqqa’ għaċ-ċajt ix-xogħol tal-Gvern”
L-eks Prim Ministru Muscat qal li weġġgħatu ħafna n-narrattiva ta’ nies li qal li pprovaw iwaqqgħu għaċ-ċajt ix-xogħol tal-Gvern, fejn intqal kliem bħal “raġel għarwien f’Kastilja”.
Hawn qal li “Kastilja mhix burdell. Qatt ma kienet. Jiddispjaċini ħafna għal dawk il-persuni li taw snin twal ta’ servizz u ġew ridikolati b’dak il-mod.”
Qal ukoll li r-relazzjoni bejn il-politiċi u l-komunità kummerċjali trid tittieħed f’żewġ kuntesti. Ir-relazzjoni bejn il-politika u l-komunità kummerċjali hi normali fi kwalunkwe pajjiż? U hi aktar magnified mill-fatt li aħna pajjiż żgħir? Dawn huma żewġ punti importanti li rridu nwieġbu lil hinn mill-pulpti.
“Min jaħseb jew jgħid li mhemmx relazzjoni bejn il-komunità kummerċjali u l-politiċi qabel illum, qabel qabel u għada pitgħada hi fil-fehma tiegħi mhux qed jgħid il-verità… ir-relazzjonijiet dejjem kienu u hemm se jibqgħu, il-kwistjoni hi kif se tiggvernahom dawk ir-relazzjonijiet.”
Dr Muscat ċċara wkoll li mhux minnu li kien hemm sparatura li seħħet fil-preżenza tal-mara tiegħu. “Qatt ma kien hemm din l-isparatura. Infurmat li kien hemm każ fejn kienet waqgħet arma quddiem id-dar tiegħi imma din l-arma ma kinitx ħadet.”
“Li hu veru, lil Kenneth Camilleri kienet inġibditlu l-attenzjoni biex ma jdurx Kastilja bil-holster tal-armi. Fil-fatt, is-security tiegħi qatt ma ġarrew armi,” qal Dr Muscat.
L-eks Prim Ministru spjega li dakinhar li ġie infurmat bl-assassinju, mal-ewwel trattah bħala l-ekwivalenti ta’ attentat terroristiku. Li kien se jkollu riperkussjonijiet fuq pajjiżna f’kull lat.
“Tajt ordni jingħalqu portijiet. Ħriġna patrol boats. Mal-ewwel tajt struzzjonijiet li ġew implimentati, lil Keith Schembri, biex jikkuntattja lill-Ambaxxata Amerikana.”
“Fl-istess ħin kienet ċemplitli Helena Dalli mil-Lussemburgu u qaltili li l-awtoritajiet Olandiżi kien ikun aħjar li kieku inkellhom mil-lat forensiku. Tajtha l-go ahead biex tkellimhom.”
Dwar l-FBI, Dr Muscat qal li dawn ma ġewx hawn biex joqogħdu jaraw il-pulizija x’qed jagħmlu. “L-FBI ġabu magħhom apparat li jekk jeżisti f’żewġ pajjiżi fid-dinja. Ma jeżisti mkien aktar. Permezz ta’ dan l-apparat wieħed jista’ jintraċċa retro-attivament fejn persuna tkun qiegħda b’xhur lura.
“Li kieku ma kienx għal dan l-apparat, dawk il-persuni ma kienu se jinqabdu qatt,” qal Dr Muscat filwaqt li rringrazzja lill-awtoritajiet Amerikani. “Tajniehom il-fakultà kollha biex jidħlu fis-sistemi tagħna u jintraċċaw dawn l-affarijiet. Min qal: “Taħt il-Labour ħadd ma jmissna”, għandu żball.”
Briefings f’Kastilja
Dwar il-briefings f’Kastilja, l-eks Prim Ministru qal li dawn il-laqgħat ma kienx jitlobhom hu iżda kienu l-pulizija li kienu jitolbuhom. “Barra minn hekk f’dawn il-laqgħat ma kinux jiġu mistoqsija mistoqsijiet, imma l-pulizija jiddeċiedu x’informazzjoni jridu jaqsmu mal-Gvern.”
“F’dawn il-laqgħat la kien jinsisti li jattendi u jintalab li jattendi Keith Schembri. U fl-ebda ħin u mument ma kelli xi tip ta’ informazzjoni inkluż mis-Servizzi Sigrieti, li seta’ kien hemm xi leak min-naħa ta’ Keith Schembri.”
“Keith Schembri ta l-impressjoni u ma nistax nifhem għaliex li f’dawn il-laqgħat kien hemm jien jew Owen Bonnici niddefendu lil Yorgen Fenech. Hu ma kienx preżenti għal dawn il-laqgħat. La jien, la l-Ministru Bonnici la ddefendejna u lanqas saqsejna mistoqsijiet.”
“Qat ma tlabt u qatt ma ngħatajt dati dwar arresti jew searches u proċessi oħra.
“Ma kien hemm l-ebda ċirkustanza fejn Keith Schembri ssemma fit-telefonati ta’ Melvin Theuma. Qatt ma ssemma’ fit-telefonati. Li kieku ssemma’ fit-telefonati, is-servizzi ta’ sigurtà kienu jinfurmawni. Qatt ma infurmawni b’dan.”
“Ta’ tħassib kif saru dawn il-leaks”
Dwar il-leak tal-operazzjoni ewlenija tat-Tinda tal-Patata, l-eks Prim Ministru Muscat qal: “la jien u lanqas Keith Schembri ma konna nafu d-data tagħha meta se ssir eżatt.”
Mument fejn qal li ħassu tradut kien li wara l-operazzjoni, l-awtoritajiet b’mod partikolari l-Kmandant Curmi u l-Ass. Kummissarju Arnaud qalulu li “kienu jidhru ċari li kienu lesti għalina. Xi ħadd mill-persuni arrestati jkollhom anke t-telephone number tal-avukat tiegħu miktub fuq idejh.”
Bl-istess mod qal li jħossu mweġġa’ kif ir-rapport li lanqas hu ma kien jaf bl-eżistenza tiegħu, ir-rapport tal-Europol, spiċċa għand l-akkużat. “Dik hi xi ħaġa intollerrabbli.”
Dr Muscat semma’ wkoll li Kenneth Camilleri kien talab appuntament miegħu. “Kelli informazzjoni li b’xi mod seta’ ried ikellimni dwar bail lill-akkużati. U għalhekk wara li saqsejtu jekk riedx ikellimni dwar xogħol u qalli le, qtajtlu mill-ewwel u stedintu biex joħroġ ’il barra mill-kamra.”
Dwar il-Girgenti, Dr Muscat qal li huwa ma kienx l-ewwel Prim Ministru li stieden lil xi negozjant il-Girgenti. “Il-fatt prinċipali huwa li tant kemm kien hemm persuni illi f’messaġġ Yorgen Fenech jiskuża ruħu illi ma kellux ċans ikellimni. Aħseb u ara kemm seta’ kelli laqgħa privata miegħu.”
“Bl-istess mod, dwar il-laqgħa li suppost saret fl-OPM, il-Pulizija daħlu fil-geo-locations ta’ Yorgen Fenech. Irriżulta li f’Jannar kien mar darba waħda l-Belt u l-għada kien hemm komunikazzjoni fejn jien saqsejtu kienx wasal lura minn barra.”
Il-maħfra lil Melvin Theuma
Dr Muscat irrefera wkoll għall-maħfra lil Melvin Theuma u qal li l-Kummissarju kien ċempillu u qallu li biex jissolva dan il-każ, kellu jissolva b’maħfra.
“Ftit sigħat wara ġie jkellimni l-Kummissarju flimkien mal-Avukat Ġenerali ta’ dak iż-żmien biex jikkonvinċuni li din kienet l-aħjar triq ’il quddiem,” qal Dr Muscat li fakkar li f’dan il-każ hemm persuni li qed iservu bejniethom 110 snin ħabs.
Dwar jekk għandhiex tiġi miżmuma din il-maħfra, l-eks Prim Ministru qal li wieħed irid jistenna sal-appell. “M’iniex xi ħadd li nieħu pjaċir nagħti l-maħfriet f’dan ir-rigward. F’dan kollu ġejt informat li l-familja Caruana Galizia ma kinitx se toġġezzjona li tingħata maħfra lil Melvin Theuma.”
“Infurmajt lill-Kabinett b’dan il-parir u tlabt permess biex minn hemm nieħu deċiżjoni waħdi. Dan għaliex kelli informazzjoni konkreta li kien se jsir lobbying qawwi biex din il-maħfra ma tingħatax. Ma ridtx li jkun hemm il-periklu li diskussjoni fil-Kabinett twassal biex maħfra proposta mill-AĠ u l-Kummissarju u appoġġjata mill-familja ma tingħatax. Għalhekk erfajtha jien waħdi biex nipproteġi lil sħabi. Kien dover tiegħi li nara x’inhu l-aħjar interess għall-pajjiż.”
Dwar it-talba tal-maħfra ta’ Yorgen Fenech, Dr Muscat qal li huwa kien ħareġ mill-Kamra dakinhar, bid-deċiżjoni kienet tal-Kabinett fl-assenza totali tiegħu illi ddeċieda li ma jagħtix il-maħfra.
Dr Muscat temm jgħid li rriżenja mhux għax xogħlu kien mitmum. Anzi qal li kien fadallu ħafna x’jista’ jagħmel u x’ried jagħmel. “Ma ridtx li jkun hemm lanqas biss l-iċken impressjoni li jien stajt ninfluwenza l-investigazzjoni jew il-proċess ta’ dan kollu ladarba kien isemma’ fost oħrajn iċ-Chief of Staff tiegħi u ma stajtx allura nkompli bħala Prim Ministru dak iż-żmien.”
“Intemm bil-punt illi semmejt qabel. Filwaqt li nifhem lill-familja Caruana Galizia li qed jgħidu mhemmx lok li taħlu ħin f’aktar investigazzjonijiet dwar min kien il-mandant, nemmen li jekk hemm bżonn li jsiru investigazzjonijiet oħra biex jitneħħa kwalunkwe dubju għaliex il-ġurija ma ġietx konvinta, nemmen li dawn għandhom isiru malajr kemm jista’ jkun u bl-akbar saħħa possibbli.”

