Thursday, April 25, 2024

L-akkużat qatta’ tliet xhur rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli fl-2012

... Tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Eric Borg fir-Rabat

Aqra wkoll

Ir-raġel mixli li spara u qatel lil Eric Borg fir-Rabat fl-ewwel jum tas-sena, qatta’ tliet xhur rikoverat fi sptar psikjatriku fl-2012 minħabba mġiba aggressiva u peress li ta’ spiss kien jitlef it-tempra. Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Noel Azzopardi li jinsab mixli bil-qtil ta’ Borg fi Triq il-Fidloqqom, ir-Rabat. 

L-espert mediku Dr Mario Scerri xehed li huwa kien mar fuq il-post tad-delitt fejn seta’ jinnota li kien hemm żewġ skrataċ filwaqt li l-vittma kellu feriti f’dahru u fuq in-naħa tal-lemin ta’ żaqqu. Qal li l-katavru mbagħad ġie trasferit fil-kamra mortwarja u sab li kellu wkoll xi tbenġil fuq wiċċu li x’aktarx kienu kkawżati meta waqa’ mal-art.

Ix-xhud qal ukoll li t-tiri jidher li kienu ġew sparati mill-viċin iżda mhux f’kuntatt mal-vittma. “Iż-żewġ feriti kkawżaw ħsarat estensivi li rriżultaw f’hypovolemic shock u mewt,” kompla jgħid Dr Scerri. 

Wara huwa qal li kien ukoll eżamina lill-akkużat. Qal li huwa kien għamel xi żmien rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli wara diversi inċidenti relatati ma’ mġiba aggressiva fost oħrajn. Huwa esebixxa wkoll id-dokumentazzjoni kollha li kien sab dwar it-trattamenti tal-imputat mis-servizz tas-saħħa pubblika.

Warajh xehed l-Ispettur Wayne Camilleri mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji li esebixxa 13-il rapport li kienu saru, li fihom Noel Azzopardi kien issemma. Wieħed minnhom kien dwar allegat attakk indeċenti fuq mara. Rapporti oħra kienu jinkludu vjolenza domestika u kkawżar ta’ ġrieħi ħfief. 

Xehdet ukoll Surġent mill-Uffiċċju tal-Armi tal-Pulizija li qal li Azzopardi kellu sitt armi rreġistrati fuq ismu, li kollha ġew ikkonfiskati wara d-delitt. 

Surġent ieħor stazzjonat l-Għassa tar-Rabat qal li fl-1 ta’ Jannar 2024, huwa kien mar fuq ix-xena tad-deliitt u ra l-katavru maġenb karozza, bil-mobile tiegħu ħdejn rasu. 

Huwa qal li aktar tard fl-istess jum, Azzopardi kien mar l-Għassa tar-Rabat akkumpanjat minn żewġ membri tal-familja tiegħu. L-akkużat kien qal lill-pulizija li “mar fl-għalqa tiegħu biex joħroġ il-kelba wara li kellu argument mal-vittma”.

Meta ġie mistoqsi jekk sparax lejn il-vittma, Azzopardi wieġeb “ħeq, ħeq ħeq”. Dak il-ħin waqfet l-interrogazzjoni ta’ Azzopardi u ġie arrestat.

Il-kumpilazzjoni tkompli aktar tard dan ix-xahar.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonnet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri u Godwin Scerri. 

L-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi qed jidhru għall-imputat.

Sport