Tuesday, February 25, 2025

L-ALLEANZA TAL-PUNENT

Aqra wkoll

L-alleanza tal-Punent twieldet matul it-Tieni Gwerra Dinjija bir-rabta ta’ sħubija li Winston Churchill, Prim Ministru Brittaniku u Franklin Roosevelt, President Amerikan, bnew bejniethom. Tal-ewwel kien jaf li mingħajr l-appoġġ tal-Istati Uniti pajjiżu ma kienx se jirbaħ lill-Ġermanja Nażista li magħha kien fi gwerra Tat-tieni, kien jaqbel li l-Istati Uniti kellhom jidħlu fil-gwerra imma ffaċċja ħafna forzi politiċi Amerikani li ma qablux li pajjiżhom jindaħal f’li kienu jqisu bħala tilwima Ewropea.

Minn dik is-sitwazzjoni, tul il-ħajja ta’ bosta minna, tfasslet u ġiet żviluppata l-arkitettura ta’ “sigurtà” tal-Punent, li minnha l-Istati Uniti ħadu ħafna, u taw ħafna wkoll lill-alleati tagħhom.

Jidher li dil-binja riesqa lejn tmiemha. Dan ilu ġej. Il-wasla ta’ Donald Trump fil-presidenza Amerikana aċċellerat bil-kbir iċ-ċaqliqa. Mhijiex ħaġa ċara min se jintlaqat l-agħar jew l-aħjar biha. Ir-riskju għall-Amerikani hu li jispiċċaw waħidhom iżolati, mitqiesa bħala potenza li ma tistax tafda fiha.

SA FEJN TASAL IL-LEALTÀ

Demokrazija parlamentari timxi kif suppost meta tkun qed titħaddem minn partiti li jirrapreżentaw ir-rieda u l-aspirazzjonijiet ta’ numru sostanzjali ta’ ċittadini. Iridu jagħmlu hekk b’mod koerenti, sod u sostnut. Biex dan jiġri, partit li se jkun vijabbli irid ikollu grupp qawwi ta’ imsieħba li lesti bil-miftuħ jimmilitaw fih, jitkellmu għalih u joħorġu biex jirrapreżentawh quddiem il-bqija taċ-ċittadini fil-pajjiż.

Bejniethom iridu jkunu marbuta b’sens ta’ lealtà lejn xulxin u lejn il-partit. Hu sens li jista’ jixxaqqaq meta jidħlu fin-nofs kunsiderazzjonijiet ta’ ambizzjoni personali, jew ta’ dubji dwar id-direzzjoni politika ta’ uħud mill-mexxejja tal-partit, jew dwar l-integrità fl-imġiba tagħhom. Dan l-aħħar skoll jista’ jkollu l-aktar impatt sovversiv fuq il-kredibilità ta’ partit politiku.

IT-TURIŻMU REBBIEĦ

F’kull pajjiż b’ekonomija “avvanzata” tista’ tgħid, it-turiżmu sar ħidma ekonomika u kulturali ta’ massa li baqa’ jirranka. Il-pandemija tal-Covid bl-ebda mod ma rażżnitu.

Il-wasla tal-linji tal-ajru li jipprovdu vjaġġi rħas għal dejjem aktar nies ikkontribwixxiet bil-kbir għal dan l-iżvilupp. Biss forsi aktar effettiva minn hekk, qed tkun ix-xewqa ta’ ħafna bnedmin biex jżuru imkejjen fejn jgħixu u jgawdu l-ħajja bnedmin oħra f’postijiet imbiegħda. L-iżvog li jipprovdi s-safar imur lil hinn mill-gost ta’ passatemp għax joffri skop biex persuna tara aktar mid-dinja fejn tgħix.

Jekk dan hu veru, it-turiżmu se jibqa’ settur rebbieħ. Fl-imgħoddi s-safar kien qasam gawdut mill-għonja u minn membri privileġġjati tas-soċjetà, kif juru rakkonti li kitbu tal-vjaġġi tagħhom kittieba bħal Goethe u vjaġġaturi bħal ibn Battuta. Illum kulħadd jista’ jivvjaġġa kif għamlu huma bla wisq taħbit jew spiża.
24 ta’ Frar 2025

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport