Il-Gvern ta’ Malta jsellem il-memorja tal-Arċisqof Emeritu Monsinjur Pawlu Cremona li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 79 sena. Huwa se jkun qed jingħata l-aħħar tislima permezz ta’ funeral li se jiġi organizzat mill-Istat u l-Knisja nhar is-Sibt 22 ta’ Marzu fid-9:30am b’quddiesa presente cadavere fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem mal-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J. Scicluna, fejn intlaħaq qbil li l-funeral ta’ Mons. Cremona jkun organizzat mill-Istat u l-Knisja. Dan b’rikonoxximent għas-servizz ġeneruż li ta l-Arċisqof Emeritu lis-soċjetà f’pajjiżna.
Mons. Pawlu Cremona jibqa’ mfakkar għall-umiltà tiegħu u l-ħidma fil-komunità mhux biss fix-xogħol pastorali tiegħu bħala r-ragħaj spiritwali tal-Arċidjoċesi Maltija iżda anki qabel. Tul l-Episkopat tiegħu kienet okkażjoni sabiħa li pajjiżna laqa’ lill-Papa Benedittu XVI.
Is-Sibt li ġej, il-Gvern qed iħabbar li se jkun ukoll jum ta’ luttu. Aktar dettalji b’rabta mat-tislima lejn Mons. Cremona jitħabbru iżjed ’il quddiem.
Intant, Il-President Myriam Spiteri Debono sellmet il-memorja tal-Arċisqof Emeritu.
Fi stqarrija l-President ta’ Malta qalet li “Monsinjur Cremona mexxa lill-Knisja Kattolika Maltija bħala Arċisqof b’imħabba u umiltà, u jibqa’ mfakkar ukoll għall-ġid li għamel fis-silenzju matul iktar minn 50 sena ta’ servizz fi ħdan il-Knisja Kattolika,” stqarret il-President.
Il-President Myriam Spiteri Debono twassal il-kondoljanzi tagħha lill-komunità tal-patrijiet tal-Ordni tal-Predikaturi u lill-membri tal-familja tiegħu.