Illejla, waqt il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, l‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra s‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (il-magħmudija, il-griżma u t-tqarbin) lil 19‑il katekumenu, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l‑ħajja Nisranija. Id-19‑il adult, li llejla permezz ta’ dawn is‑sagramenti se jsiru membri ġodda tal‑Knisja Kattolika, huma mill‑Albanija, ir-Renju Unit, iċ‑Ċina, l-Indja, Franza, Malta, it-Turkija u l-Filippini. Dawn il‑katekumeni temmew il‑programm tar‑Rit għad‑Dħul tal‑Adulti fil‑Ħajja Nisranija.
Matul ir‑Randan, dawn il‑persuni ltaqgħu mal‑Arċisqof bi tħejjija għal dan il‑mument importanti f’ħajjithom. Wieħed minnhom hu Eridion Marku mill-Albanija u li trabba f’familja Kattolika imma qatt ma kellu ċ-ċans jitgħammed minħabba li l-Kommuniżmu f’pajjiżu kien ipprojbixxa r-reliġjonijiet kollha. Eridion hu ħerqan li llejla se jitgħammed. Jispjega, “Anke jekk it-twemmin Kattoliku tiegħi dejjem kien b’saħħtu u dejjem ħassejt lil Alla qrib tiegħi, inħoss li għandi xi ħaġa nieqsa f’ħajti. Il-magħmudija u s-sagramenti kollha huma importanti ħafna għalija.” Għal din ir-raġuni fittex knisja f’Malta li tgħinu jitgħammed. Hu sab l-appoġġ meħtieġ fil-parroċċa tal-Mosta, li tiċċelebra quddiesa kull nhar ta’ Ħadd mal-komunità Albaniża f’Malta u s-sena li għaddiet beda l-programm tar-Rit għad-Dħul tal-Adulti fil-Ħajja Nisranija.
Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Vġili tal‑Għid, immexxija mill-Arċisqof Scicluna, tibda fit‑8pm u tinkludi: it‑tberik tan‑nar li jsir fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral ta’ San Ġwann u tkompli bit‑tħabbira tal‑Għid; il‑qari ta’ siltiet mill‑Kotba Mqaddsa, il‑kant tal‑Glorja u t-tħabbira tal-Hallelujah li jwasslu għat‑Tħabbira tal‑Evanġelju; it‑tberik tal‑ilma, jiġifieri meta l‑blandun mixgħul min‑nar imbierek fuq iz‑zuntier jiddaħħal fl‑ilma; u l‑liturġija tal‑Ewkaristija.
Bl‑ilma mbierek jitgħammdu l‑katekumeni li jirċievu wkoll il‑Griżma tal‑Isqof biż‑żejt tal‑Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix‑Xirka filgħodu. Waqt l‑istess Vġili, l‑imgħammdin ġodda jirċievu t‑tqarbin. Fil‑Knisja Kattolika dawn is‑sagramenti huma l‑pedament li fuqhom tinbena l‑ħajja tal‑membri tagħha u li jħejju t‑triq għas‑sagramenti l‑oħra.
Din iċ‑ċelebrazzjoni tixxandar fuq TVM+, RTK 103, knisja.mt u Newsbook Malta.