Thursday, April 18, 2024

L-ART TAL-BIEDJA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

Xejn mhi ħaġa sabiħa li donna qed niżvalutaw l-art li f’pajjiżna tintuża għall-biedja, kemm minn ħaddiema “fulltime”, kemm minn dawk “parttime”. Nemmen li din hi art li rridu nqisu bħala prezzjuża. Meta kont attiv fil-politika lokali kont inqisha bħala priorità nazzjonali dik li għandna nħarsu l-għelieqi tagħna. 

Konna nniedu kampanji kontra min ried li jibni jew iħaffer jew jaħżen ir-rimiżolji fuq art għammiela. Din il-priorità donna ntesiet għal kollox illum. L-akbar ħerqa qed tintwera biex jinbnew flyovers li mhux dejjem ikollhom xi utilità ħlief li jagħtu spalla lill-bennejja tat-toroq. Dawn baqgħu jinvadu l-ispazju li sa ftit taż-żmien ilu kien imħolli għat-tkabbir tal-uċuh.

It-traffiku qed jirbaħ fuq il-biedja, li dejjem taqa’ lura. Jekk triq tista’ titwessa, wessagħha u ħallik mill-fatt li se tkun qed teqred aktar art agrikola. Jirbħu wkoll fuq il-biedja ġieli ssib il-vilel privileġġjati li lejhom jersqu b’kull arroganza toroq mhux meħtieġa ħlief għall-konvenjenza tas-sidien. 

Dan xejn mhu sew.

KUMMERĊ U KOPERAZZJONI

Il-ftehim dwar “kummerċ u koperazzjoni” milħuq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea dwar kif se jmexxu r-relazzjonijiet bejniethom fiż-żmien li ġej hu komplikat. Ma taqrahx bħala mogħdija ta’ żmien. Il-prinċipji u r-regoli ġenerali li jelenka jinħassu ċari u skjetti. Imma l-applikazzjoni tagħhom skont l-annessi mal-ftehim, li jikkostitwixxu l-aqwa parti mill-kitba, fihom x’tixtarr. Irid ikollok ċar quddiemek id-dettalji tal-oqsma li huma ttrattati fihom biex tifhem eżatt it-tifsira tagħhom. 

Biex inkunu għedna kollox – hekk jiġri f’kull ftehim ta’ “kummerċ u koperazzjoni” ffirmat bejn il-ġnus fid-dinja tal-lum.

Imma dan ifisser li kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea irid jifli mill-qrib id-dettalji tal-ftehim biex jara kif se jaffettwa l-interessi tiegħu. Il-biża’ se jkun li minħabba l-għaġla li biha dan l-eżami jrid isir, mhux kulħadd se jirnexxielu jwettqu tajjeb.

Sadattant, it-titlu stess tal-ftehim fil-bruda tiegħu qed jagħti xhieda tal-bidla radikali li qed isseħħ fl-ispazju politiku-ekonomiku tal-Ewropa.

SENA ĠDIDA

L-awguri għas-sena l-ġdida, l-analiżi tas-sena li qed tispiċċa, il-pronostki dwar x’jista jinqala’ fis-sena 2021… kollha qed ifuru madwarna, kif wieħed seta’ jistenna. 

Jiddependi minn kull wieħed u waħda minna wkoll kemm se jirnexxilna nagħmlu mis-sena l-ġdida waħda aħjar u anqas inkrepattiva minn din li qed tintemm. Għaġla żejda biex nilħqu n-“normal” jew telqa filli nosservaw ir-regoli sanitarji li se jkunu meħtieġa biex nilħquha jistgħu jwasslu għal riżultati koroh daqs dawk li kellna matul l-aħħar xhur. 

AWGURI

Xorta waħda, l-isbaħ xewqat għal Sena 2021 mimlija riżq u hena jintbagħtu lil kulħadd.

Ekonomija

Sport