Saturday, December 21, 2024

L-atletika tatni paċi u serenitá iktar minn kull mediċina oħra – Sarah Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor? Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?

L-atletika kien l-ewwel sport li bdejt nipprattika minn meta kelli l-etá ta’ sitt snin fejn kont nattendi s-sessjonijiet il-Marsa Sports Club kull nhar ta’ Sibt. Dan bqajt nagħmlu sal-etá ta’ disa’ snin fejn imbagħad biddilt u bdejt nipprattika l-logħba tal-basketball sakemm kelli 16-il sena. Kont waqaft għal ftit żmien fejn iddeċidejt li niffoka iktar fuq l-istudji tiegħi u bqajt inżomm l-attivitá sportiva biss bħala delizzju u biex inżomm lili nnifsi ‘fit’ u sana (bħall-gym eċċ.).

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Wara ftit żmien nieqsa mill-isport kompetittiv xtaqt li nerġa’ nibda xi ħaġa bil-mod u erġajt irrikorrejt għall-atletika. Għalkemm l-isport jinsab f’qalbi u ma tantx inħobb noqgħod bilqiegħda niċċassa, xtaqt sfida ġdida fejn din id-darba flok ningħaqad ma’ tim, fejn il-logħba tintlagħab b’mod kollettiv bħalma kien il-basketball għalija, ridt sfida ġdida miegħi nnifsi u b’hekk erġajt għażilt l-atletika.

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Kelli xi ħbieb tiegħi li kienu bdew jikkompetu fil-ġirjiet b’distanza ta’ 5km, u kienu ħeġġewni biex nipprova nagħmel waħda magħhom. B’hekk tliet snin ilu ddeċidejt li nerġa’ nibda b’aktar serjetá u dedikazzjoni u ngħaqadt mal-Evolve Endurance Club fejn sibt lill-kowċ Has Kesra li għenni nibni fuq dak il-ftit li kelli, u ġieli jemmen fija aktar milli nemmen jien fija nnifsi!

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Għalkemm s’issa ftit ilni li erġajt bdejt nipprattika l-atletika, u anke kelli sena minnhom xi ftit deludenti minħabba xi injuries li sofrejt, naħseb li l-ikbar unur għalija jibqa’ meta għamilt in-Nofs Maratona ta’ Berlin, fil-Ġermanja, ftit tal-ġimgħat ilu u rnexxieli ntejjeb il-ħin tiegħi b’għaxar minuti minn dak li kont ksibt l-aħħar. Għalkemm kont għadni ħierġa minn injury, u l-miri ma kinux wisq għoljin għax it-taħriġ ixxekkel xi ftit fl-aħħar ġimgħat, u l-kundizzjonijiet tat-temp ma kinux l-aqwa possibbli, irnexxili nikseb riżultat sodisfaċenti għalija. Għalhekk nibqa’ nsostni li dan l-isport jogħġobni ferm għax dejjem hu ta’ sfida miegħek innifsek u biex tegħleb kull xkiel li jiġi f’moħħok.


Il-media tal-isport tagħtikom biżżejjed pubbli
ċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Nemmen li saru avvanzi f’dan il-qasam, speċjalment fuq il-pjattaformi diġitali, peró, xorta jibqa’ l-fatt li f’Malta sports oħrajn bħalma hu l-futbol jibqa’ jieħu iktar preċedenza. Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru sena ilu żgur li kienu ta’ pedament u pass importanti fil-komunitá sportive lokali.  Hawn kwalitá tajba ta’ atleti lokali u bi ftit iktar pubbliċitá jafu nħajru aktar tfal u żgħażagħ biex jibdew jipprattikaw huma wkoll dan l-isport.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Ovvjament, nixtieq inkompli nimraħ f’dan l-isport li llum sar parti importanti fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Nixtieq inkompli ntejjeb il-ħinijiet u l-istamina tiegħi biex nikseb iktar riżultati pożittivi. Dejjem kollox bil-proċess u l-pass tiegħu!

X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattikka?

Xejn ma jiġi faċli u biex titjieb f’kull dixxiplina sportiva, trid tagħmel is-sagrifiċċji li hemm bżonn. Il-ġurnata mgħaġġla tal-lum u bl-impjieg żgur ma tgħinx. Imma jekk hemm bżonn li tqum filgħodu kmieni qabel jisbaħ biex żgur issib iċ-ċans, hekk irid isir. Ma tridx tħalli l-iskużi jirbħu bħal pereżempju li tħossok għajjien, jew bla aptit, imma trid tara kif se ddaħħalha parti mir-rutina tiegħek tal-ġurnata. Mhux faċli le, imma b’dedikazzjoni u impenn lejn dak li tħobb, bla dubju ssib il-mezz.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.

Jien ma narahiex b’dak il-mod għax kif għidt kważi tiġri ma’ klabb jew mal-ħbieb tiegħek jgħinuk aktar biex timbotta lilek nnifsek u jservu ta’ motivazzjoni sabiex tagħmel l-almu tiegħek kollu. U dan ġieli mmur tajjeb jien f’tellieqa u ġieli tmur l-persuna l-oħra. Ovvjament, m’għandekx tħares lejn ir-riżultat finali ta’ kull tiġrija biss għall-ħin għaliex ikun hemm kundizzjonijiet u fatturi oħra għal kull persuna, b’mod individwali.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tkun qed tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

Bħalissa nkunu qrobna lejn tmien l-istaġun tagħna, allura jkun fadal ftit kompetizzjonjiet żgħar fuq distanza ta’ 5km u 10km. Is-sena d-dieħla qed nimmira li nerġa’ nikkompetti f’Nofs Maratona oħra barra minn Malta.

Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi. Hu x’inhu l-isport, u hi x’inhi l-etá, wieħed għandu jiċċaqlaq u jagħmel xi tip ta’ attivitá fiżika. Is-sens ta’ paċi, ferħ u żvog li jagħtik l-isport, speċjalment l-atletika, hu wieġed indiskrevibbli. Li tgħid għax jien ma nafx niġri, jew jien naqta’ nifsi malajr, kulħadd minn x’imkien beda u kiber! Jien sa tliet snin ilu ma kontx niflaħ niġri għaxar minuti sħaħ.

Ibda iġri mal-ħbieb biex flimkien timmotivaw lil xulxin u eventwalment jekk tħoss li trid tikber iktar f’din id-dixxiplina ingħaqad ma xi klabb b’kowċ professjonali. Biss peró l-atletika tagħtik sodisfazzjon li żgur ebda sport ieħor ma jagħtihulek. Ngħid għalija, l-atletika tatni paċi u serenitá iktar minn kull mediċina oħra! Hi l-iżvog tiegħi, għenitni negħleb sfidi personali, u għenitni wkoll nemmen iktar fija nnifsi!

Ekonomija

Sport