Wednesday, July 24, 2024

Ninsab kuntent ħafna li għent lil Marsaxlokk  jikseb post fil-UEFA Europa Conference League – Yuri De Jesus Messias

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol dejjem kienet teżisti. Bdejt nilgħab meta kelli biss sitt snin.

X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda fejn bħala Marsaxlokk FC irnexxielkom ittemmu fir-raba’ post, u b’hekk tiksbu post fl-Ewropa?

Sa mill-bidu tal-istaġun, l-għan ewlieni tagħna bħala klabb kien dak li nkunu mal-ewwel erbgħa fil-klassifika. U fl-aħħar irnexxielna naslu fir-raba’ post. Ninsab kuntent ħafna li għent lil Marsaxlokk FC jikseb post fil-UEFA Europa Conference League … kisba storika għall-klabb, u ninsab kuntent ħafna li kont parti minn dan il-grupp. U l-istaġun li ġej, se jkun saħansitra aħjar!

X’tikkummneta fuq il-kowċ, Winston Muscat?

Huwa kowċ kbir, li jafda fija u jaf li nista’ ngħin lit-tim bil-gowls u l-assists tiegħi.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u ta’ taħt fil-Kampjonat Premier?

Differenza fil-livell bejn it-timijiet teżisti iżda mhux ħafna. Ħafna timijiet tal-qiegħ jistgħu jieħdu punti mit-timijiet ta’ fuq.

Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f’tim?

Ma naqbilx għax it-tim nazzjonali Malti biss ikollu fejn jilgħab 11-il plejers Maltin fil-formazzjoni inizjali. Għalkemm il-livell bi 11-il barrani jgħolli ħafna l-livell tal-futbol Malti. Imma naħseb li seba’ plejers barranin jilagħbu huwa biżżejjed.

Taħseb li l-plejers barranin li qed jiġu jilagħbu f’pajjiżna mhux dejjem qed ikunu ta’ livell meta mqabbla ma’ dawk Maltin?

Hawn ħafna plejers barranin teknikament dgħajfa li jiġu jilagħbu hawn Malta, iżda dan huwa wkoll tort tal-klabbs li jridu jħallsu ftit li xejn biex jingaġġawhom. U normalment b’paga baxxa ma ssibx plejers kbar. Għalhekk il-biċċa l-kbira tal-klabbs iridu jonfqu ftit imma mbagħad ma jiksbu xejn fil-kampjonat.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn jintlagħbu l-logħob tal-Kampjonat Premier?

L-Istadium Nazzjonali u s-Centenary Stadium f’Ta’ Qali huma grawnds tajbin. It-Tony Bezzina Stadium f’Kordin huwa grawnd tajjeb ukoll imma naħseb li għandhom jibdlu l-ħaxix għax insibha diffiċli wisq biex nilgħab fuqu.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fil-Kampjonat Premier?

Għandna referis tajbin, tant li wħud minnhom qed jintgħażlu biex jirrefjaw partiti ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa league.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Li tkun ‘il bogħod mill-familja, tieqaf “tgawdi” l-ħajja biex tkun kapaċi titħarreġ kuljum. L-iktar ħaġa diffiċli għalija kienet li fil-bidu nkun ‘il bogħod mill-familja tiegħi. Illum li għandi aktar esperjenza, dan huwa ftit aktar faċli għalija!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Beħsiebni nkompli nilgħab sitt snin oħra u nirtira. U allura forsi nkun aġent tal-plejers.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ li jkollhom karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tkun plejer tal-futbol tajjeb, trid iddaħħalha f’rasek li mhux se tkun faċli. Se tisma’ ħafna l-kliem li “m’intix tajjeb biżżejjed”, imma huwa int li tiddeċiedi l-futur tiegħek. Ħalli n-nies jgħidu li jridu. Imma kompli tiġġieled u aħdem ħafna. Dawk li jaħdmu qatigħ, jiksbu dak li jridu, irrispettivament minn dak li oħrajn jaħsbu dwarhom!

Ekonomija

Sport