Wednesday, July 24, 2024

Ninsab kuntent u onorat li tajt il-kontribut tiegħi sabiex Sliema Wanderers rebħu dan l-unur – Joseph Minala

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Joseph Marie Minala twieled fl-24 t’Awwissu 1996 u llum il-ġurnata għandu 26 sena. Hu plejer professjonali mill-Kamerun li jilgħab bħala plejer ta’ nofs il-grawnd. Dan il-plejer ingħaqad ma’ Sliema Wanderers fil-bidu tal-istaġun li għadda u għandu kurrikulu verament vast u interessanti hekk kif lagħab ukoll ma’ Bari, Lazio, Salernitana, Lucchese, Liepaja u Qingdao Huanghai. Hu lagħab ukoll mat-tim nazzjonali tal-Kamerun fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena.

Ma’ Sliema hu kien determinanti fejn bil-logħob tiegħu f’nofs il-grawnd għaqqad tajjeb id-difiża mal-attakk bil-kowċ Paul Zammit li kien ferm kuntent bil-wirja tiegħu. Dan is-sit tkellem ma’ Minala nnifsu fejn tana l-kummenti tiegħu dwar l-ewwel staġun tiegħu f’Malta.

Kellimni dwar l-aħħar suċċess li ksibtu bir-rebħ tal-Izibet FA Trophy. 

Jien verament kuntent li wasalna biex irbaħna l-FA Trophy. Dan hu kkunsidrat bħala t-tieni l-aqwa unur li joffri l-futbol Malti u għalhekk li wasalna sal-finali diġa’ kienet xi ħaġa sabiħa aħseb u ara li tirbaħha. Ninsab kuntent u onorat li tajt il-kontribut tiegħi sabiex Sliema Wanderers rebħu dan l-unur. 

Ma nistax ma nsemmix ukoll it-tielet post li ksibu meta tqis li kontu tim li għadkom kemm tlajtu miċ-Challenge League.

Aħna dejjem imxejna b’umilta’ u ħarisna dejjem logħba wara l-oħra mingħajr ma bnejna ħafna kastelli fl-arja. L-ewwel objettiv tagħna kien proprju li nsalvaw kmieni u ma nkunux involuti f’battalja iebsa kontra r-relegazzjoni meta tqis li matul dan l-istaġun erba’ timijiet kienu se jaqgħu għaċ-Challenge League. Dan kollu wettaqnih u meta bdejna naraw li stajna nagħmlu xi ħaġa aħjar immirajna għall-iktar pożizzjonijiet għoljin.

Issa se tkunu qed tieħdu sehem fil-UEFA Europa Conference League. Kif qed tippreparaw għal din il-kompetizzjoni?

Issa li beda x-xahar ta’ Ġunju, diġa’ bdejna l-preparamenti tagħna għal din il-kompetizzjoni li jiena nsejħilha waħda prestiġġjuża. Il-klabb għadu kemm akkwista żewġ plejers ġodda, Adam Magri Overand u Cain Attard li bdejt insir nafhom bil-mod. Huma bdew jitħarrġu magħna u issa nistennew li nsaħħu aktar it-tim sabiex inkunu preparati. Naf li mhux se tkun biċċa xogħol faċli għax din il-kompetizzjoni hi ferm iebsa iżda mhux se naqtgħu qalbna.

Nirritorna għal dik il-finali tal-Izibet FA Trophy kontra Floriana. Int kont wieħed minn dawk li tajt il-penalties u li skorjajtu. Kif irnexxielek tibqa’ kalm qabel ma tajt il-penalty?

B’xorti tajba jien għandi l-esperjenza f’dawn it-tip ta’ kompetizzjonijiet fejn mhux l-ewwel darba li nkun involut f’finali bħal din u nagħti l-penalty. Saret xi ħaġa normali għalija u grazzi għall-esperjenza li ksibt fuq livell internazzjonali kont ippreparat għal dak li kont se nsib.

Int lgħabt ukoll ma’ Lazio fost l-oħrajn. X’tiftakar minn din l-esperjenza?

Iva niftakar id-debutt tiegħi ma’ dan it-tim. Kien ix-xahar ta’ Marzu ta’ għaxar snin ilu meta dħalt nilgħab fl-aħħar 13-il minuta tal-logħba kontra Cagliari minflok Senad Lulic. Imbagħad niftakar iktar meta l-kowċ bdieni sa mill-bidu fil-logħba kontra Sampdoria fejn konna rbaħna 2-0. Jien għamilt seba’ snin reġistrat magħhom, lgħabt biss tliet logħbiet għax imbagħad kont fuq bażi ta’ self ma’ numru ta’ timijiet. Minkejja kollox, xorta ngħożż dawk il-mument meta lgħabt fi Stadio Olimpico, grawnd majestuż li kien ta’ privileġġ li lgħabt fih. 

X’taħseb dwar il-livell tal-futbol Malti?

Biex inkun qed ngħidlek il-verita’ bqajt impressjonat bil-livell tal-futbol Malti. Ma kontx nistenna li se jkun daqshekk intensiv. Hawn timijiet verament tajbin fejn insemmi lil Ħamrun Spartans, Floriana, Birkirkara, Marsaxlokk u Hibernians li tawna sfida denja sabiex wasalna fejn xtaqna. Anke t-timijiet l-oħra kienu armati u taqta’ forsi l-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika, kull logħba kienet iebsa biex tilgħab. Naħseb ukoll li dan il-livell ta’ futbol jawgura wkoll tajjeb għat-tim nazzjonali Malti biex itejjeb il-wirjiet tiegħu. 

X’se jkun il-futur ta’ Joseph Minala ma’ Sliema Wanderers?

Bħalissa qed ingawdu dan is-suċċess għalkemm din it-tgawdija ma tantx fadlilha għax issa rridu nikkonċentraw fuq l-ewwel objettiv tagħna, li nieħdu sehem u mmorru tajjeb fil-UEFA Europa Conference League. Il-ħidma bdiet l-ewwel mill-kumitat li qed jieħu ħsieb li jġib plejers ta’ kwalita’ u jsaħħaħ aktar l-istruttura tiegħu. Issa rridu nkunu aħna l-plejers li nagħtu dak li nafu sabiex ikollna iktar suċċessi.

Nixtieqek tgħaddi r-ringrazzjamenti tiegħek lil dawk kollha involuti fil-klabb ta’ Sliema Wanderers.

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lid-diriġenza ta’ Sliema Wanderers FC li tawni l-fiduċja li nilgħab magħhom. Għalija hu privileġġ li kelli ċ-ċans nilgħab ma’ dan it-tim u nwassalhom biex jirbħu l-FA Trophy filwaqt li niksbu t-tielet post fil-kampjonat Malti.

Grazzi tmur ukoll lill-partitarji ta’ Sliema Wanderers li tant huma dedikati u li jħobbu lil dan il-klabb b’ċertu mħabba. Huma kienu t-12-il plejer tagħna tul dan l-istaġun ferm twil u iebes iżda sodisfaċenti.

Ekonomija

Sport