L-Avukat tal-Istat ġie ordnat jagħti kumpens ta’ €30,000 lil vittma ta’ vjolenza domestika. Dan hekk kif il-Qorti Kostituzzjonali li kienet imexxija mill-Imħallef Anna Felice kkonkludiet li l-Korp tal-Pulizija u anke l-Istat naqsu fil-konfront tagħha.
Fil-kważa tagħha, il-mara qalet li kienet spiċċat vittma ta’ theddid u anke swat mill-eks sieħeb tagħha. Qalet li kienet irraportat dan kollu lill-pulizija u fl-2019 il-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ trażżin. Minkejja dan xorta waħda l-es sieħeb baqa’ jsegwiha fejn anke heddidha biex titlob lill-Qorti tirrevoka l-ordni ta’ trazzin.
Sostniet li kienet talbet lill-pulizija x’passi kienu se jieħdu, iżda qatt ma kienet ingħata informazzjoni. Skont dak li ġie ppreżentat fil-Qorti jirriżulta li l-pulizija kienet bagħtet għall-eks sieħeb tagħha imma hu ma marx l-għassa u l-istess pulizija ma setgħux isibuh. Kien għalhekk li kemm hi kif ukoll uliedha baqgħu jgħixu fil-biża’.
Il-Kummissarju tal-Pulizija fir-risposta tiegħu qal li fl-ebda mument l-mara ma kitbet x’kienu n-nuqqasijiet tal-pulizija u anke sostna li r-raġel kien ġie arrestat.
L-Imħallef Felice fis-sentenza qalet li l-mara kienet qed tħossha mċekkna għax emmnet li l-Pulizija ma kienux qed jeħduha bis-serjetà. Qalet li dan il-każ ilu għaddej is-snin fejn sostniet li l-Pulizija huma nieqsa minn sistema ċentralizzata li biha jkunu jafu x’rapporti jkun hemm dwar xi każ speċifiku jew ma’ aggressur partikolari.
L-Imħallef qalet li dawn in-nuqqasijiet jimminaw serjament il-fiduċja tal-poplu fl-istituzzonijiet. Hija wriet it-tħassib tagħha dwar id-dewmien biex tittieħed azzjoni dwar rapport li kien sar fl-2020 meta l-vittma kienet maqfulha f’darha minħabba l-biża’ mill-aggressur u l-pulizija insistew li tmur hi l-għassa.
Qalet ukoll li r-raġel kien ġie arrestat 7 ijiem wara li sar ir-rapport meta dan kellu jiġi arrestat b’mod immedjatament.
“F’dan il-każ il-leżjoni mġarrba setgħet potenzjalment issarfet fl-akbar traġedja. Il-piena psikoloġika li għaddiet minnha r-rikorrenti hija waħda serjissima kkaratterizzata minn biża’ għas-saħħa u s-sigurtà tagħha u tal-familja tagħha, biża li fi kliem ir-rikorrenti kissritha. Għaldaqstant il-Qorti qegħda takkorda b’kumpens is-somma ta’ €30,000,” ikkonkludiet l-Imħallef Anna Felice.