Saturday, December 21, 2024

L-AVVANZI TAL-LEMIN ESTREM

Aqra wkoll

Fl-aħħar tliet elezzjonijiet ta’ stati Ġermaniżi, il-lemin estrem ġie l-ewwel f’waħda u t-tieni fit-tnejn l-oħra. Fl-elezzjonijiet ġenerali tal-Awstrija, il-lemin estrem ġie l-ewwel. Dan wara li aktar kmieni dis-sena l-lemin estrem Franċiż ġie l-ewwel fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet leġislattivi.

L-avvanzi qed ikunu ċari, qawwija u konsistenti. Sa issa ma wasslux biex il-lemin estrem ikun qed imexxi gvern, għalkemm iċ-ċansijiet li jsiru parti minn koalizzjoni ta’ gvern qed dejjem jiżdiedu f’numru ta’ pajjiżi. Imma jekk it-tendenza tal-lum issostni ruħha, qed jikbru wkoll iċ-ċansijiet li l-lemin estrem jispiċċa jmexxi koalizzjoni. Xi wħud se jgħidu li dan diġà ġara fl-Italja – imma Fratelli d’Italia immexxija minn Giorgia Meloni ma jidhrux tal-istess pezza bħall-AFD Ġermaniż… għalkemm imbagħad imorru tajjeb ma’ Marine Le Pen u l-partit tagħha, l-RN fi Franza. 

Il-fatturi ekonomiċi u soċjali li qed iwasslu għal dawn l-avvanzi huma magħrufa. Il-partiti tradizzjonali ma jidhrux li jinsabu f’qagħda biex jirrispondu b’mod effettiv għal xinhu għaddej.

DRAWWIET

Erba’ snin wara l-pandemija tal-Covid, drawwiet ġodda li din daħħlet magħha baqgħu magħna. Il-laqgħat ta’ xogħol, studju jew anke bejn ħbieb li jsiru minn distanza permezz tal-internet. L-ikel tar-ristoranti mixtri mid-djar u mwassal fid-djar bil-mutur. Il-ħasil aktar ta’ spiss tal-idejn. L-użu minn numru ta’ nies ta’ maskri meta jkunu f’xi folla jew barra mid-dar. Iż-żamma ta’ stokkijiet akbar ta’ provisti minn azjendi u anke familji.

Huma drawwiet “ġodda” li qed  iħallu warajhom impatt ekonomiku u soċjali, b’effett li mhux dejjem hu bilfors pożittiv. Min-naħa l-oħra, kif tagħraf dan l-effett u kif se tkejlu? Per eżempju, kemm hu veru li l-volum ta’ traffiku żdied fil-pajjiż bħala effett tal-pandemija? 

ŻIDIET

M’hemmx bżonn tal-pre-budget document jew tad-dokument li l-gvern issottometta lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea bħala l-Medium Term Fiscal Structural Plan tiegħu għas-snin 2025-2028. Wieħed jagħraf li l-ispiża tal-gvern baqgħet tirranka.

Minnha nnifisha din mhijiex ħaġa straordinarja. L-importanti li tkun ikkontrollata. Mhux biss biex tissodisfa r-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-Unjoni Ewropea, imma wkoll biex wieħed jiżgura li mhijiex se tispara ’l fuq b’mod li ma tkunx tista’ tinżamm lura.

Trid tkun żieda ġustifikata. Kejl meħtieġ f’das-sens hu dwar jekk iż-żieda hijiex tmur l-aktar fuq spejjeż rikorrenti jew spiża kapitali. Hu inkwetanti li f’Malta (jekk qed naqra tajjeb l-istatistika) iż-żieda hi mwieżna sew lejn ir-rikorrenti u anqas u anqas lejn l-ispiża kapitali. Għalija dan l-indikatur hu ħafna aktar importanti mill-persentaġġ tal-ekonomija li qed jilħaq id-defiċit publiku. 

Ekonomija

Sport