Il-President tal-Ekwador qal li katavru misjub mill-awtoritajiet fil-pajjiż huwa dak ta’ avukata mara li kienet irrappurtata nieqsa wara li żaret skola ta’ taħriġ tal-puliżija.
Il-mara kienet identifikata bħala María Belén Bernal, li kellha 34 sena. Hija kienet għebet 10 ijiem ilu wara li marret tara lil żewġha f’faċilità fil-kapitali Quito.
Żewġha huwa s-suspettat ewlieni fil-qtil tagħha u bħalissa l-pulizija għaddejja bit-tfittxija għalih. Il-mewt ta’ Bernal wassal ukoll għal protesti f’dan il-pajjiż li allegatament ra ‘l fuq minn 200 femiċidju din is-sena.
Il-President Guillermo Lasso, qal li l-aħbar tal-mewt ta’ Bernal ikkaġunatlu “uġigħ kbir u rabja” u wiegħed li l-qtil tagħha mhux se jibqa’ ma jkunx ikkastigat. Fi Tweet huwa esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittma.
Beral kienet irrappurtata nieqsa wara li żaret il-faċilità fis-1.30 a.m. ħin lokali nhar il-11 ta’ Settembru. Il-kap fl-iskola ta’ taħriġ tkeċċa, u l-gvern offra premju ta’ $20,000 għal min jirnexxilu jsib ir-raġel ta’ Bernal, Lt Germán Cáceres.
Dan tal-aħħar sparixxa ftit wara li ta dikjarazzjoni lill-pulizija dwar martu li kienet nieqsa, u sussegwentement tkeċċa mill-impjieg tiegħu bħala għalliem f’din l-istess skola.