Saturday, May 4, 2024

“L-ebda naħa m’għandha tiġi umiljata meta jkun hemm diskussjonijiet ta’ paċi”

Aqra wkoll

L-Ewropa għandha titgħallem mill-iżbalji tal-passat u jkun żgurat li l-ebda naħa ma tiġi umiljata meta r-Russja u l-Ukrajna jibdew jinnegozjaw il-paċi. Qal dan il-President Franċiż Emmanuel Macron, filwaqt li ddeskriva d-diskors ta’ Vladimir Putin fl-anniversarju tat-Tieni Gwerra Dinjija bħala “intimidazzjoni” u “konfrontali”.

Meta kien qiegħed jindirizza lil numru kbir ta’ suldati ġewwa l-Pjazza l-Ħamra f’Moska fis-77 anniversarju tar-rebħa fuq il-Ġermanja Nażista, Putin ikkundanna dak li huwa ddeskriva bħala “theddid biex idgħajfu u jaqsmu lir-Russja.”

Waqt li kien qiegħed jitkellem mal-ġurnalisti fil-Parlament Ewropew, Emmanuel Macron qal li l-anniversarju tad-9 ta’ Mejju kien immarkat b’żewġt uċuħ differenti. Fuq naħa kellek lil Putin li pprova “juri forza, intimidazzjoni” b’diskors “konfrontali”, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra kellek lill-Unjoni Ewropea li qiegħda tkompli taħdem fuq proġett ta’ paċi immexxi min-nies. 

Macron iżda wissa li filwaqt li bħalissa l-Ewropa qiegħda tgħin lill-Ukrajna, għad jasal punt fejn Moska u Kiev jibdew jiddiskutu dwar il-paċi u f’dak il-punt kruċjali jrid ikun żgurat li l-ebda naħa ma tiġi umiljata jew eskluża kif kien sar fil-konfront tal-Ġermanja fl-1918. Macron tenna li x-xhur li ġejjin se jkunu diffiċli ħafna, filwaqt li saħaq li l-Unjoni Ewropea se tkompli timponi iktar sanzjonijiet ġodda fuq ir-Russja. 

Intant, f’aħbar separata, is-Sindku tal-belt ta’ Mariupol qal li minn tal-inqas 100 ċittadin għadhom maqbudin fl-impjant tal-azzar li fil-preżent jinsab assedjat b’qawwa kbira mill-forzi Russi. S’issa Mariupol kienet l-iktar żona li ffaċċjat il-qilla tar-Russi tul din il-gwerra, bl-impjant tal-azzar ta’ Azovstal ikun fiċ-ċentru ta’ din l-offensiva. Dan l-impjant huwa l-aħħar bastjun tas-suldati Ukreni ġewwa din il-belt. 

Ftit tal-jiem ilu kien irrapportat li r-residenti kollha nħarġu minn din il-belt, iżda skont is-sindku għad baqa’ numru ta’ persuni maqbuda fix-xelters ta’ Azovstal. Din l-istqarrija ma kinitx ikkonfermata b’mod indipendenti mill-midja internazzjonali. 

Sport