Monday, May 13, 2024

L-EDUKAZZJONI Ċ-ĊAVETTA TA’ KULL ŻVILUPP

Aqra wkoll

Hekk kif l-Erbgħa li għadda kien iċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni, tajjeb li nieqfu u naħsbu ftit dwar il-valur tat-tagħlim fost it-tfal u anke t-tagħlim li jibqa’ għaddej tul il-ħajja. Nemmnu li l-edukazzjoni ma tiqafx biss ma’ dik obbligatorja, jiġifieri sa 16-il sena, iżda hi proċess kontinwu fejn wieħed ikun jista’ jkompli jikseb il-ħiliet meħtieġa f’dinja li kontinwament qiegħda tinbidel u tiżviluppa.

Huwa fatt li jista’ jirrikonoxxih kulħadd li l-avvanzi fit-teknoloġija, b’mod partikolari bl- Intelliġenza Artifiċjali, biddlu totalment id-dinja tax-xogħol li konna mdorrijin biha. Issa sta għal kull wieħed u waħda minna sabiex nagħrfu nisfruttaw l-opportunitajiet li joħorġu minn dawn l-iżviluppi.

Għandna għax nifhmu li dawn l-istess teknoloġiji qegħdin jiġu inklużi wkoll fi proġetti edukattivi għat- tfal, li huma prova oħra ta’ kemm l-AI fl-edukazzjoni tista’ titħaddem fil-prattika u minnha jibbenefikaw l-edukaturi, it-tfal u anke l-ġenituri tagħhom. Nemmnu għalhekk li l-edukazzjoni diġitali u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni hi importanti f’dan il-proċess ta’ tagħlim fost it-tfal u l-iżvilupp edukattiv tagħhom.

Minkejja dawn l-iżviluppi teknoloġiċi kollha f’diversi oqsma, huwa tajjeb għalhekk li nżommuhom taħt għajnejna għaliex jekk ma nagħmlux hekk fil-fehma tagħna naqgħu lura mbagħad jaf ikun diffiċli ħafna biex inlaħħqu mal- passi li jkunu saru f’dan l-iżvilupp teknoloġiku.

Pajjiżna għandu jkun għaqli biżżejjed biex filwaqt li l-ewwel li jħares huwa lill-ġenerazzjonijiet Maltin, għandu jaħdem aktar fil-livell ta’ Nazzjonijiet Uniti biex jirrenja l-paċi bħala għodda biex tnaqqas il-ġuħ u l-faqar fid-dinja ħalli b’hekk il-250 miljun tifel u tifla madwar id-dinja ma jibqgħux jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni u jonqos ukoll l-illitteriżmu fost l-adulti.

Sport