Monday, November 18, 2024

L-EDUKAZZJONI U L-ĦILIET LEJN SUĊĊESS PERSONALI U PROFESSJONALI 

Aqra wkoll

Mhux l-ewwel darba li smajna lmenti li pajjiżna nħakem minn influss qawwi tal-barranin. L-argument l-aktar komuni li jinġieb ħafna drabi jaqa’ fuq il-problema ta’ komunikazzjoni li teżisti minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar il-lingwa tagħna.

Taqbel jew ma taqbilx, il-mudell ekonomiku li pajjiżna addatta f’dawn l-aħħar snin, wassal għal tkabbir ekonomiku bla preċedent li parti minn dan is-suċċess hu dovut lil eluf ta’ ħaddiema barranin li integraw fostna.  

Iżda jekk nitkellmu fuq komunikazzjoni bħala wieħed mill-ħafna soft skills li jistgħu jitjiebu biex jiżdied is-suċċess personali u anke dak professjonali, ma nemmnux li din hija xi ħaġa ta’ Maltin jew barranin biss.

Sfortunatament il-livell ta’ komunikazzjoni naqas mhux biss fuq livell ta’ xogħol fejn hemm persuni li qegħdin jagħtu servizz ieħor, iżda anke fuq il-mejda tal-ikel b’familja li lanqas kapaċi jagħmlu nofs siegħa bl-arloġġ jieklu u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom minħabba l-aljenazzjoni kontinwa tan-notifiċi li minn minuta għall-oħra jibdew jixegħlu l-iskrins tal-ismartphones tagħhom.

It-teknoloġija llum tista’ titqies bħala l-ġenju tal-komunikazzjoni fejn b’għafsa waħda biss fuq il-it-telefon ċellulari tista’ tikkomunika bl-internet ma’ persuna oħra li tkun tinsab eluf ta’ kilometri bogħod, iżda hija wkoll id-daqqa tal-mannarett li qiegħda tfarrak dawk il-mumenti li kienu familjari. 

Illum hawn ħafna aljenazzjoni. Illum koppja jidħlu biex jistrieħu imma minflok jitkellmu jinfexxu jqallbu fuq Tik Tok jew Facebook. Allura x’nistgħu nagħmlu? Ħa jkollna nippruvaw nimxu lura biex nippruvaw noħolqu bilanċ?

U kif nistgħu nispjegaw id-differenza bejn il-komunikazzjoni online f’każi fejn m’hemmx alternattiva jew fejn mhux effiċjenti li tivjaġġa eluf ta’ kilometri u l-bżonn li mal-kollega tiegħek li jaħdem f’uffiċċju sular taħtek tiltaqa’ u tieħu kafe?

Fejn titħol komunikazzjoni fuq livell personali. Min jaf kemm-il darba smajna bil-frażi t-tabib tani xahrejn ħajja. Jista’ jkun li dan ikun minnu imma x’sens tagħmel tkisser it-tama ta’ dak li jkun? Ma jkunx iktar dinjituż jekk kulħadd jingħata l-opportunità li jittama li għada jaf tkun ġurnata aħjar?

Ħila oħra li qiegħda tonqos u jeħtieġ li niffukaw fuqha hija dik li jkollna kontroll fuq l-emozzjonijiet tagħna u li nkunu kapaċi noħorġu b’soluzzjoni jew jekk le, tal-inqas inkunu kapaċi nfittxu l-għajnuna.

Ir-rata għolja ta’ attentati ta’ suwiċidji u dawk li sfortunatament jilħqu jwettqu s-suwiċidju anke ta’ etajiet taħt l-20 sena tikkonferma dan. Għaliex żagħżugħ jew żagħżugħa li għandhom saħansitra dipendenti fuq il-ġenituri fejn jidħlu ċertu problemi ma jkollhomx il-ħila li jiftħu qalbhom, jieħdu parir u fl-aħħar mill-aħħar jaslu biex isibu soluzzjoni? Għaliex għandhom jaslu biex jieħdu dik normalment meqjusa bħala t-triq il-ħafifa għax ma jkollhomx ħila jagħmlu dan? 

Dawn huma biss ftit mill-ħafna ħiliet li l-ġenerazzjonijiet li tilgħin bħal donnhom qegħdin jinjoraw filwaqt li jiffukaw fuq il-ħiliet akkrediatati b’ċertifikati u salarji għoljin. Dawn tal-aħħar huma importanti biex intejbu l-ħiliet u fl-aħħar mill-aħħar insaħħu setturi ekonomiċi li jistgħu jaraw żieda fil-Maltin li joperaw fihom, iżda fuq livell fern iżjed wiesgħa nemmnu li l-bażi ta’ kollox tista’ tkun it-trawwim tat-tfal tagħna f’dawk li huma soft skills biex irabbu dik il-qoxra li b’riċetta tajba li tinkludi livell edukattiv xieraq tista’ twassal għall-aqwa riżultat biex nixprunaw suċċessi personali u anke professjonali li s’issa s-soċjetà qiegħda tindika li għad hemm ingredjenti essenzjali neqsin.

Ekonomija

Sport