It-trasformazzjoni ekonomika u l-Viżjoni Malta 2050 kienu fiċ-ċentru ta’ diskussjoni li saret waqt laqgħa bejn il-General Workers’ Union u l-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri. Din kienet laqgħa oħra fis-sensiela ta’ laqgħat li l-GWU qiegħda tagħmel ma’ Ministri u Segretarji Parlamentari.
Kevin Camilleri, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, enfasizza fuq l-importanza li r-ritmu b’saħħtu li nbeda mat-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 jitkompla.
Dwar il-qalba li trid issir lejn id-diġitalizzazzjoni, Camilleri rrimarka l-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu tal-ħaddiema li fi kliemu “jridu jitgħallmu kif jinbidlu” maż-żminijiet. Dan sabiex ikollhom dħul aħjar u valur miżjud fejn jidħol ir-remunerazzjoni, il-kwalità u l-valur tax-xogħol.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU rrefera wkoll għad-diskussjoni li saret fl-MCESD dwar id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar it-trasparenza fil-pagi, biex jiġi minimizzat kemm jista’ jkun il-lok ta’ abbuż.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri fisser li t-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050 hi responsabbiltà tal-Gvern kollu kemm hu tant li hemm unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li qed tikkordina l-ħidma li qed issir lejn l-implimentazzjoni tagħha. F’dan il-kuntest huwa qal li anke l-GWU għandha rwol importanti x’taqdi, bl-unjin kienet parteċipi ħafna u anke tat rispons b’saħħtu fir-rigward ta’ din il-viżjoni.
Il-Ministru Schembri qal ukoll li “rridu nassiguraw kif anke bit-tkabbir tal-ekonomija tagħna jkompli jirrifletti f’kundizzjonijiet dejjem aqwa għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan hu dak li tkellimna dwaru. Li naraw kif setturi li qegħdin jikbru f’pajjiżna anke f’termini ta’ produttività dan jiġi rifless dejjem f’kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema.”
Preżenti għal-laqgħa f’isem il-GWU kien hemm ukoll il-President Jason Deguara, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin, is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall u s-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni Jason Gatt.


